Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Assassinju DCG: L-Arċisqof b'messaġġ qawwi għall-ġurnalisti, għall-politiċi u għall-Maltin   |  L-avukat ta' DCG imħasseb bl-aġir tagħha ftit jiem qabel inqatlet   |  "Kont naf li qed tfittxuni, għalhekk żammejt pistola fuqi" - l-akkużat   |  Seba’ flyovers mingħajr traffic lights fil-junction tal-Marsa   |  

Monsinjur Charles Scicluna inħatar Isqof Awżiljarju

Josianne  Camilleri  -  05/10/12 12:00 AM

Monsinjur Charles Scicluna inħatar Isqof Awżiljarju ta’ Malta mill-qdusija tiegħu l-Papa Benedittu XVI. Dan tħabbar mill-Arċidjoċesi ta' Malta.

Bħala Isqof Awżiljari, hu ġie msejjaħ biex ikun kollaboratur u l-konsulent l-iżjed qrib tal-Arċisqof ta' Malta, Monsinjur Pawlu Cremona, u biex ikollu responsabilitajiet ta' tmexxija fil-Kurja kif ukoll fil-ministeru pastorali tal-Arċidjoċesi ta' Malta. Ma’ l-Ordinazzjoni Episkopali, li ser issir fil-24 ta’ Novembru li ġej, Monsinjur Scicluna isir membru tal-Konferenza Episkopali Maltija flimkien ma’ Monsinjur Arċisqof u ma’ l-Isqof t’Għawdex, Monsinjur Mario Grech.

Monsinjur Scicluna li matul l-aħħar għaxar snin kien Promotur tal-Ġustizzja fll-Kongreazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi fil-Vatikan, ħa post Monsinjur Annetto Depasquale li miet f'Novembru 2011.

Monsinjur Scicluna twieled fl-1959 f’Toronto l-Kanada. Kien ordnat qassis fl-1986 u kompla l-istudji tiegħu f’Ruma u hemmhekk iggradwa fil-Liġi Kanonika mill-Università Gregorjana. Minkejja li s-superjuri tiegħu rieduh jibqa’ Ruma, huwa kien intalab jiġi Malta biex jgħallem fl-Università. Ħadem ukoll fit-Tribunal tal-Knisja.

Fl-1995 Monsinjur Scicluna kien nominat Promutur tal-Ġustizzja fit-Tribunal Suprem tal-Papa. Fl-2002, ġie nominat Promutur tal-Ġustizzja fit-Tribunal il-ġdid tal-Vatikan. Hawn hekk huwa ħadem mal-Kardinal Ratzinger, li aktar tard laħaq Papa, fuq il-każi ta’ abbużi sesswali mwettqa minn membri tal-Knisja fuq minorenni.

Il-Qdusija Tiegħu il-Papa issa sejjaħ lil Monsinjur Scicluna biex ikun membru tal-Kulleġġ ta’ l-Isqfijiet u afdah bil-missjoni li jaħdem fil-Knisja ta’ Malta taħt it-tmexxija ta’ l-Arcisqof Monsinjur Pawl Cremona.