Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
​Godfrey Farrugia jirriżenja minn Whip tal-Partit Laburista   |  "L-uniku estremiżmu aċċettabbli huwa dak tal-karità" - il-Papa   |  KAŻ EGRANT: Il-‘whistleblower’ fil-gazzetti; it-Times tgħid li hemm akkużi kontriha   |  “L-ispiża fuq kull ħaddiem b’paga minima se tiżdied b’€450 sal-2019” – Gordon Cordina

Il-Kardinal Skoċċiz O’Brien se jħalli l-Iskozja għal "tiġdid spiritwali, talb u penitenza"

Catherine  Aquilina  -  15/05/13 03:29 PM

Fi stqarrija ppublikata llum wara nofsinhar, il-Vatikan qal li l-Kardinal Skoċċiz Keith Patrick O’Brien se jħalli l-Iskozja għal tiġdid spiritwali, talb u penitenza. L-istqarrija tgħid li dan ġie deċiz bi qbil mal-Papa Franġisku.

Mingħajr ma tispeċifika r-raġunijiet li wasslu għal dan, l-istqarrija tgħid li din id-deċizjoni ttieħdet għall-istess raġunijiet li wasslu biex il-Kardinal O’Brien ma jipparteċipax fil-Konklavi ta’ Marzu li għadda.

Fi Frar, il-Kardinal O’Brien irtira minn Arċisqof ta’ St Andrews u Edinburgh fl-Iskozja, wara li rapporti fil-media internazzjonali allegaw imġieba mhux flokha mill-Kardinal, fil-konfront ta’ qassisin oħra fis-snin tmenin.

Għalkemm dawn ir-rapporti ma ġewx ikkonfermati, fi stqarrija maħruġa mill-Konferenza Episkopali Skoċċiża fil-25 ta’ Frar, il-Kardinal O’Brien qal li meta jħares lura lejn il-ministeru tiegħu, jirringrazzja lil Alla tal-ġid li għamel, u jitlob apoloġija lil kull min hu seta weġġa'.

Fi stqarrija ta’ erba’ linji, il-Vatikan qal li l-Kardinal O’Brien se jħalli l-Iskozja għal numru ta’ xhur u kull arranġament ieħor dwar il-futur tiegħu se jsir bi qbil mas-Santa Sede.