Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Il-Kapitali l-qadima b'arti ġdida

Karl  Wright  -  12/11/15 02:38 PM

Fix-xahrejn li ġejjin, il-Biennali ta' Arti Kontemporanja tal-Katidral tal-Imdina se tkun il-vetrina ta' kull forma ta' arti minn 27 pajjiż.

L-ispazji tal-arti f'ħafna mis-siti mill-isbaħ tal-Imdina se jirduppjaw mal-ftuħ tal-Biennali ta' Arti Kontemporanja tal-Katidral tal-Imdina. Artisti ewlenin minn madwar id-dinja  se jkollhom ix-xogħlijiet tagħhom tal-arti għall-wiri fl-ewwel belt kapitali ta' Malta, bejn it-13 ta' Novembru 2015 u s-7 ta' Jannar 2016.

Il-Biennali, li għandha bħala msieħeb ewlieni l-Bank APS, se tiftaħ uffiċjalment bil-kunċert annwali u prestiġjuż tal-APS għada l-Ġimgħa 13 ta' Novembru, fil-Katidral Metropolitan tal-Imdina, fit-8pm, meta l-postijiet kollha bix-xogħlijiet tal-arti esebiti se jkunu wkoll miftuħa għall-pubbliku.

Il-kunċert se jippreżenta  l-premiere tal-iStabat Mater, tal-kompożitur Euchar Gravina. L-Orkestra Filarmonika ta' Malta se tkun taħt id-direzzjoni tas-Surmast Christopher Muscat, akkumpanjat mis-Soprano Andriana Yordanova u l-Coro Bel Canto, taħt id-direzzjoni tal-Mro Hermann Farrugia Frantz.

Din l-edizzjoni l-ġdida tal-Biennali tal-Imdina, bit-tema Kristjanità, Spiritwalità u d-Diversità, se tagħti ħarsa differenti lill-arti u r-reliġjonijiet, u qed tkun imfaħħra għall-mod kif se tkun ta' pont bejn il-kulturi differenti, id-differenzi fit-twemmin u anke dawk li ma jemmnu f'xejn.

Il-ħsieb ġdid tad-direzzjoni għal dan l-avveniment ġie żviluppat mill-artist, akkademiku u kritiku tal-arti Dr Giuseppe Schembri-Bonaci, li hu d-direttur artistiku tal-Biennali. Il-Biennali se tkun qed tenfasizza l-kreattività, b'xogħlijiet ta' arti tal-ogħla kwalità minn fost l-aqwa artisti minn 27 pajjiż, foshom Malta.