Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
AĦNA MHUX SE NISKTU   |  Il-President tilqa' lis-Soċjetà Ċivili; Jitolbu r-riżenja mmedjata tal-Kummissarju u l-AĠ   |  "Mhux eskluż li l-assassinju kien ikkummissjonat minn politiċi" - Oħt DCG   |  Ritratti: Quddiem id-Depot isejħu għar-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija

“Għandha tinġarr responsabiltà politika”

Mill-Parlament    -  16/11/15 08:52 PM

“Għandha tinġarr responsabiltà politika”

Hekk qal id-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami huwa u jintervjeni fil-Parlament waqt dibattitu li segwa stqarrija Ministerjali tal-Ministru għall-Intern Carmelo Abela dwar l-inċident li seħħ f’Paceville nhar is-Sibt li għadda fejn madwar 70 persuna sfat midruba hekk kif minħabba rassa fil-ħruġ tal-+1 club għeleb poġġaman tal-ħġieġ.

Dan hekk kif diversi deputati tal-Oppożizzjoni appellaw biex il-Gvern isejjaħ inkjesta indipendenti fuq dak li seħħ. Dan minbarra l-inkjesta maġisterjali u l-investigazzjoni tal-Pulizija.

Il-Ministru Abela saħaq li l-Gvern irid trasparenza sħiħa dwar dak li ġara u akkuża lill-Oppożizzjoni b’nuqqas ta’ responsabiltà fil-kummenti tagħha hekk kif qed tfittex li tikseb punti politiċi minn dak li ġara. Huwa qal li l-Gvern se jippubblika l-inkjesta tal-maġistrat inkwirenti b’mod immedjat. Il-Prim Ministru, u diversi deputati oħra fosthom l-istess Ministru għall-Intern u l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonniċi staqsew jekk l-Oppożizzjoni għandiex fiduċja fil-ġudikatura.

Abela qal li fil-ġimgħat li ġejjin se jitressqu numru ta’ emendi għal-liġijiet eżistenti biex jiddaħħlu miżuri iżjed ħarxa fir-rigward dwar ksur ta’ liġi fil-postijiet ta’ divertiment fosthom dwar persuni taħt l-età.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li numru ikbar ta’ pulizija setgħu iwasslu biex l-inċident ikun evitat u dan billi jimmaniġġjaw il-ħruġ tal-persuni mill-istabbiliment. Huwa qal li minkejja li l-inċident seħħ fil-qalba ta’ Paceville, il-Pulizija damet biex waslet fuq il-post. Saħaq li mhux aċċettabbli li ma jkunx hemm limitu fuq in-numru ta’ persuni li jidħlu fi stabbiliment jew in-nuqqas ta’ ħruġ ta’ emerġenza. Hekk ukoll, huwa inaċċettabbli li persuni taħt l-età jidħlu f’postijiet ta’ divertiment bi ksur tal-liġi.

Fenech Adami sostna li Paċeville esperjenza kollass tal-ordni pubbliku u tenna l-appell għal ftuħ ta’ għassa tal-Pulizzija f’Paceville kif ukoll għall-istazzjonar ta’ unit tar-Rapid Intervention Unit tal-Pulizija.

Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi saħaq li skont il-liġi, inkesta tal-maġistrat Inkwirenti hi sigrieta għajr għall-Avukat Ġenerali u avukati interessati. Għalhekk, ma għandiex tkun ippubblikata. Għall-kuntrarju, l-liġi tipprovdi għall-possibbiltà ta’ inkjesta indipendenti li r-rapport tagħha jkun jista’ jiġi ppubblikat. Il-Ministri Abela u Bonniċi saħqu li fil-passat kien hemm ċirkustanzi fejn fil-fatt ir-rapporti tal-Maġistrat Inkwirenti kien ippubblikat.