Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Il-Kunsill tal-Imġarr irid li r-rotot jerġgħu lura kif kienu qabel

Jesmar Baldacchino  -  22/12/15 03:39 PM

Il-Kunsill Lokali tal-Imġarr qed isostni li ma jaqbilx mar-rotot il-ġodda tat-trasport pubbliku u jrid li l-awtoritajiet jikkunsidraw immedjatament li r-rotot jibqgħu kif kienu qabel.

Fi stqarrija l-Kunsill irrimarka li matul l-aħħar snin, is-servizz tat-trasport pubbliku fl-Imġarr kien wieħed pożittiv ħafna u b’apprezzament tar-residenti iżda bl-introduzzjoni tar-rotot il-ġodda, ir-residenti u dawk li jagħmlu użu mill-karozzi tal-linja minn u lejn din il-lokalità spiċċaw b’servizz inferjuri.

Filwaqt li jelenka numru ta’ rotot li qed joħolqu inkonvenjent, il-Kunsill Lokali tal-Imġarr stqarr li qatt ma kien ikkonsultat fuq it-tibdil ħlief biex jiġi infurmat li xi rotot kienu se jinbidlu.

Enfasizza li rċieva bosta lmenti dwar dan it-tibdil u qed iqis li dan se jħalli impatt negattiv fuq ir-residenti.

Il-Kunsill qed iħoss li r-riżultat se jkun li inqas persuni jagħmlu użu mit-trasport pubbliku, jiżdied l-użu tal-vetturi privati u b’konsegwenza jkun hawn iżjed konġestjoni tat-traffiku u ħsara fl-ambjent.