Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
AĦNA MHUX SE NISKTU   |  Il-President tilqa' lis-Soċjetà Ċivili; Jitolbu r-riżenja mmedjata tal-Kummissarju u l-AĠ   |  "Mhux eskluż li l-assassinju kien ikkummissjonat minn politiċi" - Oħt DCG   |  Ritratti: Quddiem id-Depot isejħu għar-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija

​Suq bil-mod jekk se tgħaddi minn Ħal Lija, Ħal Qormi jew Buġibba

Stefan  Pullicino  -  21/02/15 08:42 AM

Transport Malta ħarġet lista ta’ toroq li jsiru xi xogħlijiet fihom fil-jiem li ġejjin u li qalet se jwasslu għal xi diverżjonijiet tat-traffiku. Se jingħalqu wkoll xi toroq minħabba l-Maratona ta' Malta li se ssir għada.

Triq il-Wied Ħal Lija

Bejn is-6 ta’ dalgħodu u t-3pm ta’ llum se jsiru xogħlijiet ta’ emerġenza fi Triq il-Wied f’Ħal Lija. Transport Malta qalet li għalkemm it-triq mhux se tingħalaq għat-traffiku, xorta waħda tħeġġeġ għall-attenzjoni tas-sewwieqa.

Ħal Qormi

Xogħlijiet oħra ta’ tiswija se jsiru fi Triq San Edwardu f’Ħal Qormi u dan se jwassal biex it-triq ikollha tingħalaq għat-traffiku għal madwar sagħtejn bejn is-1pm u t-3pm ta’ llum.  Transport Malta qalet li f’dan il-ħin, il-vetturi se jkollhom jgħaddu minn Triq il-Ġdida.

Buġibba

Bħala parti mill-proġett ta’ Triq il-Kosta, min-nhar it-Tnejn li ġej se jinqalgħu partijiet ta’ Triq il-Wileġ f’Buġibba qrib Kennedy Grove.

Għaldaqstant TM qalet li se tingħalaq karreġġjata waħda fejn it-traffiku li ġej mill-Qawra se jkollu jgħaddi minn Triq J.F. Kennedy biex jasal sa ħdejn ir-roundabout tal-Erba’ Mwieżeb.

It-traffiku li ġej mid-direzzjoni opposta, jiġifieri dak li sejjer lejn Triq il-Wileġ u lejn Triq il-Korp tal-Pijunieri, mhux se jiġi affettwat minn dawn ix-xogħlijiet.

Rabat

Triq li se tingħalaq għat-traffiku għal aktar minn erba’ xhur hija Vjal il-Ħaddiem fir-Rabat. TM qalet li matul l-ewwel fażi, din it-triq se tkun magħluqa għat-traffiku mid-direzzjoni ta’ Triq Misraħ is-Suffara lejn Triq in-Nigret.

Maratona ta’ Malta għada l-Ħadd

Minħabba li għada filgħodu se ssir il-Maratona ta’ Malta, diversi toroq se jingħalqu għat-traffiku jew se jkollhom aċċess limitat.

It-toroq milquta jinkludu it-Tela’ tas-Saqqajja fir-Rabat, il-Bypass tal-Imtarfa, partijiet minn Ta’ Qali, Ħ’Attard, il-Bypass tal-Imrieħel u dak tal-Marsa, Triq Diċembru 13 fil-Marsa, Triq Nazzjonali fil-Floriana kif ukoll ż-żona ta’ bejn il-Pietà u Tas-Sliema.