Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Investigati żewġ messaġġiera tal-Qorti   |  

Ritratti: L-ewwel ċerimonja taż-żwieġ fl-ajruport ta' Malta

Catherine  Aquilina  -  14/04/15 09:21 PM

Għall-ewwel darba fl-istorja tal-ajruport ta' Malta, koppja ddeċidiet li llejla tiżżewweġ propju fil-post fejn iltaqgħet.

Snin ilu, l-imħabba bejn il-bdot tal-Airmalta Charles Borg u l-membru tal-ekwipaġġ Julia Saliba nibtet proprju fl-ajru, waqt il-ħin tax-xogħol, bejn titjira u oħra.

Is-sena li għaddiet, f'Jum San Valentinu, waqt titjira speċjali tal-Airmalta għall-maħbubin, Charles kien ipproprona lil Julia biex tiżżewġu.  

Eżattament sena u xahrejn wara, Charles u Julia reġgħu telgħu fuq ajruplan ieħor tal-Airmalta, din id-darba bħala koppja miżżewġa.

Fil-fatt, għal din l-okkażjoni speċjali, il-famuża gallarija tal-ajruport, għal ftit tal-ħin inbidlet f'sala fejn saret iċ-ċerimonja ċivili taż-żwieġ.

Wara ċ-ċerimonja, il-koppja u d-diversi mistiedna, b'ħafna minnhom kollegi tax-xogħol, telgħu fuq l-ajruplan biex jiċċelebraw.

Bħal ma ġara s-sena li għaddiet, il-bdoti ħadu ħsieb li t-titjira tkun f'forma ta' qalb.

Ta' min isemmi li b'kumbinazzjoni, it-titjira tal-Airmalta (KM14JC) kienet iddedikata lil din il-koppja; 14 għall-ġurnata tal-lum u JC għal Julia u Charles.

Newsbook.com.mt hu infurmat li nhar il-Ħadd li ġej, dawn iż-żewġ maħbubin se jingħaqdu fis-Sagrament taż-Żwieġ.

It-tim kollu ta' Newsbook.com.mt jawgura lil Charles u lil Julia l-isbaħ ġejjieni flimkien. Ritratti: Facebook