Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Ritratti: Jinstab raġel mejjet f'appartament fl-Imsida   |  Droga u politiċi: Jittawwal iż-żmien tal-inkjesta   |  Identifikata l-koppja barranija li allegatament ġibdet ritratti lit-tfal   |  Attakk Terroristiku Londra: Identifikat l-aggressur   |  

Filmat: Patri George Bugeja jinħatar Isqof Koadjutur ta' Tripli

Charmaine  Attard   -  10/07/15 12:01 PM

Il-Papa Franġisku ħatar lill-Patri George Bugeja, Superjur tal-Kunvent ta’ Sant’Antnin ta’ Padova f’Għajnsielem, bħala Isqof Koadjutur tal-Vigarjat Appostoliku ta’ Tripli.

Dan ħabbru f’Komunikat speċjali, in-Nunzju Appostoliku għal Malta u l-Libja Mons. Mario Roberto Cassari, waqt konferenza fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna ta’ Pinu. Preżenti kien hemm ukoll l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech, il-Provinċjal tal-Patrijiet Franġiskani Minuri Maltin  Patri Richard Grech, u l-kleru Għawdxi.

Patri George Bugeja għandu 53 sena u ġej mill-Parroċċa tax-Xagħra. Ġie ordnat saċerdot fil-5 ta’ Lulju tal-1986 mill-Isqof Nikol Ġ. Cauchi.  Wara l-Ordinazzjoni Saċerdotali ġie assenjat għall-Fraternità Franġiskana tar-Rabat, Malta.

Matul il-ministeru pastorali tiegħu, Patri Bugeja wettaq ħidmiet fil-Libja, fil-Kanada, u f’kunventi fil-Ħamrun, f’Għajnsielem u fir-Rabat Malta, fid-Dar tal-Irtiri f’Baħar iċ-Ċagħaq u f’Għajnsielem. Serva wkoll bħala Kappillan tal-Parroċċa tal-Madonna tas-Sacro Cuor f’Tas-Sliema.

Bejn l-2008 u l-2010 kien Uditur fit-Tribunal Ekkleżjastiku tad-Djoċesi ta’ Għawdex u Ministry Formator fis-Seminarju Maġġuri ta’ Għawdex, kif ukoll uffiċjal tal-Kongregazzjoni għall-Evanġelizzazzjoni tal-Popli fil-Vatikan bejn Marzu 2010 u Marzu 2015.

Minn Jannar li għadda kien il-Gwardjan tal-Kunvent ta’ Sant’Antnin, Għajnsielem.  Riċentament l-Isqof ta’ Għawdex ħatru Delegat tiegħu għar-Reliġjużi.

L-Ordinazzjoni Episkopali se tinżamm f'Għawdex fl-4 ta’ Settembru li ġej.