Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

€500,000 għal 33 NGO f’għajnuna għall-proġetti ta’ żvilupp

Mill-Parlament    -  07/07/15 08:00 AM

33 Għaqda Mhux Governattiva ibbenefikaw minn madwar €500,000 f’Assistenza Uffiċjali għall-Iżvilupp mogħtija mill-Gvern ta’ Malta fl-aħħar sentejn.

Dan qalu l-Ministru għall-Affarijiet Barranin George Vella fi tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nazzjonalista Francis Zammit Dimech.

Il-maġġoranza ta’ dawn, jew 23 proġett, huma bbażati fl-Afrika. Ħamsa minnhom huma bbażati fil-Kenja waqt li erbgħa fl-Etjopja. Hemm ukoll tlett proġetti kull wieħed fl-Indja, Gwatemala u Uganda.

In-natura tal-proġetti tvarja minn proġetti edukattivi, dawk fil-qasam tas-saħħa, proġetti b’risq persuni emarġinati fil-pajjiżi inkwestjoni fosthom nisa, kif ukoll proġetti li jippermettu l-ġenerazzjoni ta’ enerġija nadifa.

Il-proġett li l-iktar li rċieva għajnuna kien il-bini ta’ ‘Ċentru ta’ Fejqan’ f’Wau fis-Sudan t’Isfel mill-Mission Fund li rċieva €45,500. Il-proġett jikkonsisti fil-bini ta’ ċentru tas-saħħa li jiffoka fuq il-kura ta' nisa tqal u trabi, kif ukoll faċilità għall-iżvilupp soċjali fejn jiġi pprovdut counselling u pariri lill-refugjati li jirritornaw lejn pajjizhom. Il-Mission Fund irċivew ukoll fondi b’risq proġetti fl-Indja, Tanzanija.

Benefiċjarji oħra kienu jinkludu l-Living Waters Mission Team (Etjopja), Signum Fidel Malta (Ċad, Eġittu u Kenja); Fondazzjoni St Jeanne Antide (Foresta tal-Amażonja, Peru, Malawi), Kopin (Etjopja), Grupp Missjunarju Kull Bniedem Hija (Kenja), Integra Foundation (Gwatemala), Kommunità Marokkina f’Malta (Marokk), Keralaid Trust (Indja), YMCA Valletta (Togo),  CAM Youths (Filippini, Pakistan), Inizjamed (Kenja), Rotary Club Malta (Uganda), SOS Malta (Uganda), The Arnaud Guesry Foundation (Madagaskar), GuateMalta Foundation (Gwatemala), Fondazzjoni Ġiżwita Inservi (Indja), FACES (Tanzanija), Kids Initiative for Development Sustainability (Kenja).

B’kollox tqassmu madwar 240,000 bejn 20 proġett fl-2014 u madwar €235,000 bejn 13-il proġett fl-2015.

Vella spjega li l-entitajiet benefiċjarji riedu jkunu reġistrati mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji. Ingħatat ukoll importanza lill-kapaċitajiet tekniċi u finanzjarji tal-organizzazzjonijiet, is-sostenibbiltà u r-reżiljenza tal-proġett.