Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Sajjetta tolqot żona fiż-Żurrieq u tikkawża nirien   |  Ikkonfermata l-analiżi ta' Newsbook: Debono jċedi s-siġġu   |  Kittieba konservattivi jakkużaw lill-Papa b'ereżija   |  "In-nisa m'għandhomx jirrifjutaw l-irġiel": Il-BA tinvestiga, oħrajn ma jaraw xejn ħażin   |  Merkel jew Schulz? Il-Ġermaniżi jivvutaw

"It-tqassim tal-immigranti obbligatorju" - Juncker

Charmaine  Attard   -  09/09/15 10:28 AM

Fil-bidu tas-sena d-dieħla, il-Kummissjoni Ewropea se tħabbar politika komuni dwar l-immigrazzjoni li se toffri mod legali kif immigranti jidħlu fl-Ewropa.

Dan tħabbar dalgħodu mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker, waqt li kien qed jindirizza l-Parlament Ewropew fi Strasburgu.

Semma wkoll li t-tqassim tal-160,000 immigrant irid ikun obbligatorju, għax l-Italja, il-Greċja u l-Ungerija ma jistgħux jitħallew waħedhom f’din is-sitwazzjoni. 

Jean Claude Juncker qal li inutli jsiru l-liġijiet, jekk ma jiġux implimentati. Appella lill-istati membri kollha biex jimplimentaw l-istandards b’mod olistiku.

Juncker qal li fl-14 ta’ Settembru, il-Ministri tal-Intern tal-istati membri se jiddeċiedu dwar is-sistema ġdida ta’ kwota li qed tiġi proposta. Saħaq li jittama li kull pajjiż jieħu azzjoni, “m’hemmx podji u retorika, qed nitkellmu dwar persuni u mhux numri.”

“Li nibagħtu d-dgħajjes lura, li nagħtu n-nar lill-kampijiet tar-refuġjati u li ndawru wiċċna quddiem persuni foqra u dgħajfa, dik mhix Ewropa,” żied jgħid Juncker.

Saħaq li “hemm nuqqas ta’ Ewropa fl-Unjoni Ewropea. U lanqas m’hemm biżżejjed Unjoni f’din l-Unjoni. Din trid tinbidel.”

Il-President tal-KE sostna li l-ebda reliġjon, twemmin jew filosofija m’għandha tkun fattur dwar liema refuġjati għandhom jintlaqgħu fil-pajjiż.

Qal li minkejja li l-Ewropa ma tistax tilqa’ u ssolvi l-miżerja kollha fid-dinja, għandna npoġġu kollox fil-perspettiva, għax dawn xorta jirrappreżentaw 0.11% tal-popolazzjoni Ewropea.

Sostna li sakemm ikun hemm il-gwerra fis-Sirja u l-biża’ fil-Libja, il-kriżi tal-immigrazzjoni se tibqa’ hemm u li l-ebda ħajt mhu se jżomm lil ħadd milli jiġi fl-Ewropa.

Juncker fakkar li l-Ewropej huma kważi kollha l-prodott ta’ xi tip ta’ immigrazzjoni. Semma s-60 miljun refuġjat Ewropej li ħallew l-Ewropa wara t-Tieni Gwerra Dinjija.

“Għandna nkunu kburin meta l-Ewropa tilqa’ l-immigranti, mhix xi ħaġa li għandha tbeżżagħna. Billi nirrabjaw mhux se ngħinuhom,” żied jgħid Juncker.

Irrefera wkoll għall-fond Afrikan ġdid ta’ €1.8 biljun li se jkun qed jitwaqqaf fix-xhur li ġejjin.