Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Il-Kunsill tal-Għarb se jieħu passi legali fuq allegazzjoni dwar Frenċ tal-Għarb

Jesmar Baldacchino  -  07/01/16 08:30 PM

Il-Kunsill Lokali tal-Għarb se jikkontesta b’mod legali dikjarazzjonijiet li allegatament għamlet omm Daniel Holmes meta fil-midja ġie rrappurtat li qalet li Frenċ tal-Għarb kien juża l-kannabis biex ifejjaq il-morda.

Daniel Holmes fil-preżent jinsab arrestat f’Kordin wara li ngħata sentenza ta’ 10 snin priġunerija minħabba każ tal-kannabis u ommu f’dawn l-aħħar ġranet għamlet appell ieħor biex il-każ tiegħu jerġa’ jiġi kkunsidrat.

Fi stqarrija, il-Kunsill Lokali tal-Għarb qal li ma jistax ma jurix diżapprovazzjoni u l-memorja ta’ Frenċ tal-Għarb m’għandix tiġi mtappna b’dawn l-allegazzjonijiet.

Il-Kunsill enfasizzat li Frenċ tal-Għarb kien bniedem eżemplari u matul ħajtu għen mijiet ta’ persuni li kienu f’diffikultà u rnexxilu jressaq ħafna nies lejn il-Madonna ta’ Pinu.

L-istqarrija tal-Kunsill tgħid li dan għamlu mhux għall-gwadann personali imma b’riżultat tad-devozzjoni li kellu lejn il-Madonna.

Francis Mercieca, li kien magħruf bħala Frenċ tal-Għarb għex f’din il-lokalità f’Għawdex bejn l-1892 u l-1967.