Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Ritratti: Jinstab raġel mejjet f'appartament fl-Imsida   |  Droga u politiċi: Jittawwal iż-żmien tal-inkjesta   |  Identifikata l-koppja barranija li allegatament ġibdet ritratti lit-tfal   |  Attakk Terroristiku Londra: Identifikat l-aggressur   |  

Jittella' l-ewwel rawnd tal-Yamaha Gozo Motocross Championship

Kris  Gilson  -  31/10/16 06:37 PM

Il-Gozo Motocross Association organizzat l-ewwel rawnd tal-Yamaha Gozo Motocross Championship 2016/17 bil-parteċipazzjoni ta’ 24 sewwieq.

Wara diversi ġimgħat ta’ xogħol estensiv biex jinbidel iċ-ċirkwit f'Ta'Xħajma, is-sewwieqa dehru li huma sodisfatti bil-livell li l-kumitat irnexxielu jilħaq.

Qabel ma beda l-avveniment, Fr Joseph Curmi bierek it-trekk il-ġdida, lis-sewwieqa u l-muturi tagħhom.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Assoċjazzjoni, Frank Xuereb irringrazzja lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor apprezzaw il-ħidma tal-kumitat biex il-livell taċ-ċirkwit seta' jitjieb.

B'kollox kien hemm tliet klassijiet. Fi klassi A, is-sewwieq Malti Paul Muscat daħal fl-ewwel post segwit minn Steve Xuereb u Mario Cauchi.

Fi Klassi B, Nathaniel Camilleri akkwista l-punti massimi fuq Yamaha YZ 250cc filwaqt li Matthew Zammit daħal fit-tieni post. Jorn Stellini, li kien promoss minn Klassi Ċ għall-Klassi B spiċċa fit-tielet post.

Daniel Camilleri ukoll irnexxielu jakkwista s-60 punt tal-ġurnata fi Klassi Ċ, segwit mill-qrib minn Anthony Fenech u Mark Camilleri. 

Fl-aħħar tal-ġurnata s-sewwieqa rebbieħa ingħataw trofew kull wieħed.

Id-donazzjonijiet ta’ matul il-ġurnata se jiġu ppreżentati lill-Malta Community Chest Fund bħala parti minn Festival Għawdxi ta’ Sports organizzat mill-Gozo Sports Board.

Il-Gozo Motocross Association tavża li t-tieni rawnd ta’ dan il-kampjonat se jsir nhar il-Ħadd 13 ta’ Novembru 2016. Sadanittant, il-Gozo Sports Board bil-kollaborazjoni tal-Gozo Motocross Association se jorganizza t-tieni edizzjoni tal-Gozo Enduro Rally nhar is-Sibt li ġej.