Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Ritratti: Jinstab raġel mejjet f'appartament fl-Imsida   |  Droga u politiċi: Jittawwal iż-żmien tal-inkjesta   |  Identifikata l-koppja barranija li allegatament ġibdet ritratti lit-tfal   |  Attakk Terroristiku Londra: Identifikat l-aggressur   |  

CABS takkuża lill-Gvern li mhux jirnexxielu jrażżan l-insib illegali

Yendrick  Cioffi  -  13/12/16 02:24 PM

Il-Kumitat Kontra l-Qbid tal-Għasafar (CABS) reġa’ talab lill-Gvern biex immedjatament jagħlaq l-istaġun tal-kaċċa u l-insib.

Fi stqarrija CABS akkuża lill-Gvern, li fi kliemu mhux qed jirnexxielu jrażżan l-insib illegal, l-aktar dak li jsir bil-lejl.

CABS saħaq li n-nassaba qed jinqdew bl-iljieli biex jonsbu l-għasafar b’mod illegali għax f’dan il-ħin hemm inqas ċans li jinqabdu minn Pulizija tal-ALE u voluntiera li jkunu għassa.

Fl-aħħar ħmistax, membri tal-organizzazzjoni għamlu diversi rondi matul il-lejl u rnexxielhom isibu 82 mansab illegali li kienu qegħdin jintużaw.

L-istqarrija tikkundanna wkoll lill-Pulizija, għax fi kliema ma kien hemm l-ebda Pulizija għassa fit-8 iljieli li fihom saru r-rondi mill-voluntiera tal-CABS. Qalet ukoll li meta jsiru rapporti matul il-lejl, mhux l-ewwel darba li l-Pulizija jaslu filgħodu jew inkella tard wisq biex jaqbdu n-nassab li jkun laħaq ħarab.

F’każ li seħħ il-Ħadd li għadda, CABS infurmat lill-Pulizija, għall-ħabta tas-1:30am, li kien hemm mansab illegali fl-inħawi magħrufa Tal Qadi viċin is-Salini. Skont CABS il-Pulizija waslu għall-ħabta tal-5am wara li n-nassaba laħqu ħarbu.

CABS fakkret li f’Jannar, il-korp tal-Pulizija kien qal li l-ħinijiet tax-xogħol tal-Pulizija tal-ALE kienu estiżi biex ikunu jistgħu jrażżnu l-insib illegali matul il-lejl.