Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Il-Gvern jippreżenta lill-Awditur Ġenerali r-rapport wara r-rakkomandazzjonijiet tal-NAO

Marion  Zammit  -  09/05/16 05:34 PM

Il-Gvern ippreżenta, lill-Awditur Ġenerali, kopja tal-pubblikazzjoni tiegħu bi tweġiba għar-rapport tal-istess Awditur Ġenerali.

Il-preżentazzjoni saret mis-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar, lill-Awditur Ġenerali, Charles Deguara, u lid-Deputat Awditur Ġenerali, Noel Camilleri.

L-Awditur Ġenerali ddeskriva din il-pubblikazzjoni, li hi l-ewwel waħda tax-xorta tagħha, bħala pass fid-direzzjoni t-tajba għax l-azzjonijiet li qed tieħu l-amministrazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet tal-NAO jiġu rrekordjati.

Sostna li l-eżerċizzju jagħti valur akbar lil ħidmet l-uffiċċju tiegħu, li l-għan ewlieni tiegħu hu li jippromwovi t-trasparenza u l-kontabbilità fis-Servizz Pubbliku.

Iż-żewġ naħat qablu li se jkunu qed jaħdmu qrib xulxin aktar milli kontra xulxin. B’hekk tiġi assigurata l-kontabbilità tas-Servizz Pubbliku u l-fondi pubbliċi.

Dwar il-konformità mar-regoli stabbiliti fis-Servizz Pubbliku, in-naħa tal-Gvern qalet li se jsir it-tibdil meħtieġ biex il-liġijiet ikunu aktar prattiċi u jkunu jirriflettu ż-żmien li ngħixu fih. 

Ritratt: DOI - Jason Borg