Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Assassinju DCG: L-Arċisqof b'messaġġ qawwi għall-ġurnalisti, għall-politiċi u għall-Maltin   |  L-avukat ta' DCG imħasseb bl-aġir tagħha ftit jiem qabel inqatlet   |  "Kont naf li qed tfittxuni, għalhekk żammejt pistola fuqi" - l-akkużat   |  Seba’ flyovers mingħajr traffic lights fil-junction tal-Marsa   |  

Jitolbu lill-Avukat Ġenerali u lill-Ombudsman jinvestigaw lis-Sindku tal-Gudja

Yendrick  Cioffi  -  15/09/16 03:44 PM

Kunsilliera tal-Kunsill Lokali tal-Gudja talbu lill-Awditur Ġenerali u l-Ombudsman biex jinvestigaw lis-Sindku tal-Gudja, John Mary Calleja.

Il-Kunsilliera Nazzjonalisti Mark Anthony Sammut u Stefan Caruana qed jallegaw li kien hemm indħil mid-Sindku biex ittieħdu deċiżjonijiet kontra dak li kien deċiż mill-Kunsill.

Il-każ huwa dwar Triq Birżebbuġa fil-Gudja li tlesta lejn l-aħħar tal-2015.

Jidher li kontra d-deċiżjoni tal-Kunsill, inbiddlu l-livelli tat-triq b’mod li żviluppa magħqad tal-ilma kull meta tagħmel ix-xita u li qed jaffettwa ħażin lir-residenti.

“Din il-bidla fil-livelli saret kontra dak li ddeċieda l-Kunsill f'laqgħat preċedenti, fejn kien diġa' iddeċieda li l-qlib tal-ilma tat-triq jippermetti li l-ilma jkompli sejjer fid-direzzjoni naturali tiegħu lejn il-wied,” spjegaw il-Kunsilliera.

Qalu li s-Sindku dejjem “ħarab mill-mistoqsijiet” u qal li l-bidliet saru skont is-surveyer. Min-naħa tiegħu s-surveyor qal li qatt ma ntalab jagħti l-livelli finali tat-triq.

Wara li l-Perit Charles Buhagiar intalab iwieġeb bil-miktub, jidher li ma wieġeb xejn fuq dak li ntalab u “l-kunsill eskluż is-Sindku,” qabel li l-Perit jerġa’ jintalab iwieġeb u ma jitħallasx tar-rapport sa ma jagħmel dan.

Il-Kunsilliera qalu li s-Sindku flok jaqbeż għan-nies qed jaqbeż għall-Perit u għalhekk qed jitolbu li ssir investigazzjoni biex jaraw kienx hemm indħil politiku mis-Sindku.

Talbu wkoll li ssir investigazzjoni dwar l-amministrazzjoni tal-fondi pubbliċi f'dan il-proġett, u min ħa jerfa' r-responsabbilita' tax-xogħol li sar u ta' spejjeż ulterjuri li hemm bżonn biex jiġu irranġati n-nuqqasijiet.