Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Jittella' t-tielet rawnd tal-kampjonat Għawdxi tal-Motocross

Kris  Gilson  -  10/01/17 06:01 PM

Wara assenza kemmxejn twila minħabba kundizjonijiet ħżiena fit-trekk, il-Gozo Motorcross Association organizzat it-tielet rawnd mill-Yamaha Gozo Motocross Championship 2016/17 bil-partecipazzjoni ta’ diversi sewwieqa Għawdxin.

It-tlielaq li saru fit-trekk f'Ta'Xħajma kienu kompetittivi aktar minn qatt qabel fejn sewwieqa ta’ kalibru issieltu sal-aħħar għall-ewwel tliet postijiet.

Bħas-soltu kien hemm tliet klassijiet. Fi klassi A, Mario Cauchi ddomina l-ġurnata hekk kif hu u Steve Xuereb issieltu għall-ewwel post. Infatti Cauchi spiċċa fl-ewwel post segwit minn Xuereb fuq Honda CRF 250cc.

Warajhom daħal Etienne Bigeni filwaqt li ħuh Joseph Bigeni sfida sat-tmiem lil Robert Spiteri għar-raba' pożizzjoni.

Fi klassi B żvolġiet taqtiegħa interessanti bejn Keith Bugeja, Nataniel Camilleri, Matthew Zammit u Jorn Stellini. Bugeja rebaħ din il-kategorija b'Zammit jidħol it-tieni waqt li Camilleri spiċċa fit-tielet post. 

Klassi Ċ ukoll żvolġiet f'waħda interessanti bejn is-sewwieqa Daniel Camilleri, Anthony Fenech, Joseph Luke Gauci u Mark Camilleri.

Gauci rnexxielu jakkwista is-sittin punt tal-ġurnata, segwit mill-qrib minn Anthony Fenech fuq KTM SX 85cc. Daniel Camilleri daħal it-tielet.

Il-President tal-Gozo Motocross Association, Frank Xuereb qassam it-trofej lir-rebbieħa ta’ kull klassi.