Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Sajjetta tolqot żona fiż-Żurrieq u tikkawża nirien   |  Ikkonfermata l-analiżi ta' Newsbook: Debono jċedi s-siġġu   |  Kittieba konservattivi jakkużaw lill-Papa b'ereżija   |  "In-nisa m'għandhomx jirrifjutaw l-irġiel": Il-BA tinvestiga, oħrajn ma jaraw xejn ħażin   |  Merkel jew Schulz? Il-Ġermaniżi jivvutaw

"Ewropa għan-nies"

11/01/17 08:00 AM

Il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea hija opportunità għalina biex insaħħu l-viżjoni ta’ l-Ewropa. Hija viżjoni ta’ ekwità, ta’ għaqda, u aktar importanti, ta’ parteċipazzjoni inklussiva għal kulħadd biex nibnu il-paċi fis-soċjetajiet tagħna u ma’ soċjetajiet oħrajn.

Irridu nemmnu fil-pedamenti li fuqhom huwa mibni il-proġett Ewropew. Fi kliem Jean Monnet, wieħed mill-arkitetti fundaturi tal-UE, is-saħħa fundamentali tal-Unjoni hija fl-għaqda tagħna madwar oġġettiv wieħed, għan wieħed, viżjoni waħda, favur il-paċi u l-prosperità.

Sabiex niksbu din il-viżjoni Ewropea, jien nemmen li t-tisħiħ ekonomiku tal-Unjoni jrid jimxi paripassu ma’ strateġiji inklussivi, biex itejbu l-ħajja tan-nies kuljum.

Il-viżjoni tagħna trid tkun waħda li ġġibna flimkien b’mod rispettuż biex negħlbu l-biżgħat u d-dubji li jxekkluna.

Il-viżjoni tagħna trid tkun waħda ħielsa mingħajr xkiel, li tħares ’il quddiem.

L-Unjoni Ewropea għandha tgħaqqad l-għanijiet tagħha għat-tkabbir ekonomiku, mal-ġid ta’ kulħadd, kemm dawk li qed jaħdmu, kif ukoll dawk li mhux qed jaħdmu.  Jeħtieġ naħdmu bis-sħiħ biex kulħadd jilħaq il-potenzjal tiegħu, speċjalment dawk li għandhom bżonn ta’ aktar għajnuna.

Is-soċjetajiet tal-Ewropa huma kkaratterizzati minn ċirkostanzi, minn patrimonji w identitajiet diversi. Fl-istess ħin, l-Ewropej huma magħqudin bl-għan għat-tfittxija ta’ opportunitajiet. Għandna nkunu magħqudin fl-għarfien komuni għall-ħtieġa ta’ opportunitajiet sostenibbli u inklussivi, permezz ta’ sistemi effettivi ta’ protezzjoni soċjali effettivi, u swieq tax-xogħol miftuħa.

Minn naħa l-oħra, jeħtieġ nieħdu azzjoni biex nindirizzaw dak li turina l-istatika tal-Eurostat, dak li wieħed minn kull erba’ persuni fl-UE huwa f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali.

Jeħtieġ li nkomplu nagħtu prijorità lill-ħarsien tan-nazzjonijiet u l-Unjoni tagħna, billi nippromovu djalogu demokratiku fost gruppi ta’ kulturi differenti, setturi soċjali differenti, u komunitajiet ta’ fidi differenti. Jeħtieġ nirreżistu d-diviżjoni u l-provokazzjonijiet kull fejn jeżistu, billi nżommu sod favur il-viżjoni ta’ paċi għall-Ewropa u l-Ewropej.

Dan l-impenn biex insaħħu r-relazzjonijiet bejn individwi u l-komunitajiet, għandu jkun l-fibra tas-sigurta u s-suċċess tagħna. Irridu nżommu f’moħħna li, s-saħħa tal-Unjoni Ewropea ġejja mill-valur ta’ solidarjeta’ li għandna nħaddnu bejnietna.

Jien nemmen li dan huwa mument partikolari għalina, bħala ċittadini tal-Unjoni Ewropea. Jeħtieġ li nkunu spalla ma’ spalla ma’ xulxin. L-istituzzjonijiet iridu jsaħħu l-ħidma tagħhom billi jaħdmu id f’id mas-soċjetà ċivili. Il-komunitajiet u l-awtoritajiet għandhom jiġu flimkien biex itejbu l-komunikazzjoni fost l-imsieħba attivi varji fi ħdan s-soċjetajiet varji tagħna.

Int u jien, bħala ċittadini attivi tal-Unjoni Ewropea, għandna l-opportunità li nagħmlu d-differenza. Jeħtieġ li nieħdu kull opportunita’ biex insemmgħu leħinnha, u biex nuru x’tip ta’ Ewropa nixtiequ ngħixu fiha. X’tip ta’ dinja nixtiequ niżviluppaw u x’legat irridu nħallu lil uliedna.

Ħadd m’għandu l-aħjar għarfien tal-bidliet li jeħtieġ jsiru fis-soċjetà biex ninkoraġġixxu l-ekwita’, l-ġustizzja soċjali u l-ġid, aktar mill-istess popli tal-Ewropa. Jeħtieġ ninkludu wkoll l-esperjenza diretta ta’ dawk li qed jgħixu fil-faqar, fl-esklużjoni u fid-diskriminazzjoni.

Jeħtieġ li lkoll nkunu parteċipanti attivi. Jeħtieġ noħolqu u nsostnu spazju madwar l-Ewropa, fejn in-nies li ġew emarġinati jingħataw ir-rispett bħala kollaboraturi mportanti.

Il-qalba tal-Unjoni Ewropea, ma’ tistax tkun biss l-istituzzjoni minn fejn tiġi ddettata l-politika u l-protokolli, li mhux dejjem jirrifflettu r-realta’ tan-nies. Iżda, l-qalba tal-Unjoni tagħna, trid tkun tiċċentra fuq l-individwu, fuq il-familja u fuq il-komunita’. Fl-aħħar mill-aħħar, huma n-nies li jagħtu l-ħajja, u s-saħħa lill-Ewropa.

L-isfidi li qed tiffaċċja l-Unjoni Ewropea, se jkunu bla dubju suġġett ta’ diskussjoni matul l-Presidenza ta’ Malta. It-tisħiħ tal-Unjoni Ewropea permezz ta’ eżerċizzji ta’ evalwazzjoni, għandhom jkunu parti mill-proċess ta’ maturazzjoni. Dan għaliex, aħna Unjoni ħajja, u għalhekk għandu jkun naturali għalina li nevolvu, nikbru u ninbidlu.

L-esperjenza tal-Unjoni Ewropea hija kkaratterizzata kemm minn sfidi kif ukoll minn suċċessi.

Hemm sfidi li rridu niffaċċjaw, li xi wħud jaħsbu li ma’ nistgħux negħlbu. Irridu nirreżistu l-atitudni ta’ qtigħ ta’ qalb u nuqqas ta’ rieda. L-istituzzjonijiet jistgħu jinbidlu. L-istrutturi jistgħu jinbidlu. Aħna wkoll nistgħu ninbidlu.

Jeħtieġ li matul il-Presidenza ta’ Malta, naqsmu l-esperjenzi tagħna bħala Maltin, bħala Mediterranji, u bħala Ewropej. Jeħtieġ li noħorġu t-tajjeb tagħna, bħala poplu reżiljenti, li jemmen fis-solidarjeta’ u fil-paċi.

Ejjew nagħmlu l-Presidenza ta’ Malta tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, bħala l-kontribut għani, favur il-paċi u l-prosperita’ tagħna u l-paċi u l-prosperita’ tal-ġirien tagħna.

Ejjew naħdmu flimkien biex nsaħħu l-Ewropa favur il-paċi. Ejjew nistinkaw biex niżguraw bidla sostenibbli u sinifikanti, li tkun ta’ benefiċċju dejjiemi fil-ħajjiet ta’ kull individwu u ta’ kull familja fil-komunitajiet tagħna, fis-soċjetajiet tagħna, fin-nazzjonijiet tagħna u madwar l-Unjoni Ewropea kollha.

Il-President ta' Malta Marie-Louise Coleiro Preca