Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
"Min ifittex il-profitt akkost ta’ kollox hu alleat tat-terroriżmu" - l-Arċisqof Bernardito Auza   |  Intervista: ​Tgħix mhedda u mbeżżgħa li se jitfa’ l-aċidu fuq uliedha   |  Brian Tonna b'ittra minn Mossack Fonseca biex jikkonferma li hu s-sid ta' Egrant   |  "Il-Korea ta' Isfel kienet il-moħħ wara l-qtil ta' Kim Jong-nam" - Korea ta' Fuq

Il-Kummissjoni Ewropea tapprova l-powerstation u t-tanker tal-gass

Yendrick  Cioffi  -  11/01/17 12:51 PM

Il-Kummissjoni Ewropea approvat is-sostenn finanzjarju tal-Gvern Malti lil Electrogas, l-operatur tal-impjant ta' Delimara, għall-provvista tal-elettriku lill-kumpanija Maltija tal-elettriku l-Enemalta

F’Ġunju tas-sena li għaddiet, Malta ppreżentat il-pjani tagħha lill-Kummissjoni Ewropea biex dawn jiġu eżaminati skont ir-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar l-għajnuna mill-istat.

Dan il-proġett jinkludi t-tanker għall-ħażna tal-gass naturali u l-impjant tal-enerġija elettrika mill-gass.

It-tanker se jissuplixxi l-gass lejn l-impjant il-ġdid kif ukoll dak eżistenti.

Fi stqarrija, il-Kummissjoni Ewropea sjegat li dan il-proġett għandu l-għan li jnaqqas il-prezzijiet tal-enerġija, il-ħsara ambjentali u jżid is-sigurtà tal-provvista billi jiddiversifika t-taħlita tal-enerġija.

Flimkien mal-interconnector bejn Malta u Sqallija, dan il-proġett se jieħu post l-infrastruttura eżistenti tal-produzzjoni tal-elettriku f'Malta.

Il-kuntratt biex Electrogas Malta tissuplixxi l-elettriku u l-gass lill-Enemalta se jorbot għal tmintax-il sena.

Is-sostenn finanzjarju se jkun qed isir f’forma ta’ pagamenti mill-Enemalta, u se jkun qed jgħin lill-kumpanija Electrogas biex ikun assigurat dħul fiss fost oħrajn.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kumpanija mhix se tkun ikkumpensata b'mod eċċessiv għas-servizzi li se tipprovdi.

Ir-regoli tal-Kummissjoni tal-2011 dwar is-servizzi ta’ interess ekonomiku jippermettu lill-Istati Membri biex jekk jilħqu ċertu kundizzjonijiet jagħtu kumpens lill-kumpaniji afdati b’obbligi ta’ servizz pubbliku.

Il-Kummissjoni żammet f’moħħha li s-suq tal-enerġija Malti ma jistax jasal għal-livell neċessarju ta’ servizz minħabba ċ-ċokon tiegħu.

Aktar informazzjoni dwar id-deċiżjoni tal-lum se ssir disponibbli  fir-Reġistru tal-Għajnuna mill-Istat u fuq is-sit web tal-kompetizzjoni meta jkunu solvuti xi kwistjonijiet ta' kunfidenzjalità li jista' jkun hemm. 


Ritratt: Ian Noel Pace