Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
"Il-Gvern se jagħti 7 biljun litru ilma fis-sena lill-bdiewa u lukandi" - Joseph Muscat   |  “Il-Gvern irid jagħmel profitt anke mill-mewt” – Simon Busuttil

Il-Papa Franġisku lill-Korp Diplomatiku: “M’hemmx qtil f’isem Alla”

Francesco Pio  Attard  -  11/01/17 11:34 AM

Il-Papa Franġisku sejjaħ lin-nies ta’ twemmin differenti biex jingħaqdu flimkien u jikkundannaw lil min jinqeda b’isem Alla biex jiġġustifika atti ta’ vjolenza.

Meta nhar it-Tnejn li għadda kellem lill-Korp Diplomatiku akkreditat lis-Santa Sede, fl-iskambju tal-awguri li tradizzjonalment jingħataw għas-sena l-ġdida, il-Papa Franġisku qali li “ħadd ma jista’ qatt joqtol f’isem Alla”.

Id-dinja, qal Franġisku, illum qed tħabbat wiċċha ma’ dan il-“ġenn omiċidali li jabbuża minn isem Alla biex ixerred il-mewt, f’ġirja għall-ħakma u l-poter”.

Il-Papa żied li “t-terroriżmu fundamentalista hu l-frott ta’ faqar spiritwali qawwi, u spiss iwassal għal faqar soċjali kbir”, li jista’ jintrebaħ biss bil-“kontribut flimkien ta’ mexxejja reliġjużi u politiċi”.

Id-diskors tal-Papa, li fil-bidu ta’ kull sena jagħti ħarsa analitika lejn l-istat li tkun fih id-dinja, iffoka primarjament fuq is-sigurtà u l-paċi.

Semma dawk l-oqsma fejn il-ġlied qed jaffettwa l-ħajja tan-nies. “Jiġuni f’moħħi partikularkment it-terroriżmu fundamentalista li fl-aħħar snin ħasad bosta vittmi mad-dinja kollha: fl-Afganistan, il-Bangladesh, il-Belġju, il-Burkina Faso, l-Eġittu, Franza, il-Ġermanja, il-Ġordan, l-Iraq, in-Niġerja, il-Pakistan, l-Istati Uniti tal-Amerika, it-Tunisija u t-Turkija”.

Ikkundanna l-armi tal-gwerra f’idejn it-tfal, bħal fin-Niġerja, u l-attakki fuq in-nies miġbura waqt it-talb, bħal dak li seħħ fil-Katidral Koptiku tal-Kajr, jew fuq vjaġġaturi, bħal fi Brussell, inkella fuq nies mexjin fit-triq, bħal f’Nizza u Berlin, jew li sempliċement kienu qed jiċċelebraw id-dħul tas-sena l-ġdida, bħal f’Istanbul.

Is-sejħa finali tal-Papa lill-komunità internazzjonali kienet biex taħdem għall-paċi, li hi “don, sfida u impenn” għal kull wieħed u waħda minna.