Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Żdiedu t-talbiet għall-għajnuna psikjatrika waqt l-elezzjoni   |  "Kultura fejn il-kelmiet 'qaddej' u 'messaġġier' ma jinftehmux" - L-Arċisqof   |  ​"L-ommijiet ta' persuni pubbliċi jbatu fil-moħbi"   |  L-Istati Uniti twissi lis-Sirja dwar attakk kimiku ieħor "qed jinħema"

Tħassib fost nisa rikoverati f’Mater Dei

Charmaine  Attard   -  11/01/17 03:56 PM

Pazjenti li għadhom kif għamlu operazzjoni u jinsabu rikoverati fl-Isptar Mater Dei qed iħossuhom mhedda b’pazjenti oħra, li minkejja li għandhom sintomi li jittieħdu, qed jitpoġġew fl-istess sala tagħhom.

Ma’ Newsbook.com.mt, nisa fosthom dawk li qed jistennew tarbija fis-Sala tal-Ġinekoloġija qalu kif fis-sala tagħhom qed jiddaħħlu pazjenti oħra li m’għandhom x’jaqsmu xejn mas-sala fejn jinsabu rikoverati.

"B'mard infettiv ipoġġuhom ħdejna li nkun għadna kif ġejna operati"

Esprimew it-tħassib tagħhom dwar kif ċertu pazjenti b’mard infettiv huma ta’ periklu għalihom li jkunu għadhom kif saritilhom operazzjoni.

Il-pazjenti jinsabu mħassba wkoll dwar kif uħud mit-tobba jidħlu fis-swali mingħajr ilbies protettiv, wara li jkunu tħalltu ma’ pazjenti oħra b’mard ieħor.

Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, il-kelliema għall-Ministeru għas-Saħħa ma tatx ir-raġuni għaliex pazjenti oħra qed jiddaħħlu fis-sala tal-Ġinekoloġija.

Madanakollu saħqet li fil-każ ta’ pazjenti bl-influwenza f’Mater Dei jittieħdu l-prekawzjonijiet ta’ kontroll mill-infezzjonijiet skont policy stabbilita.

Żiedet tgħid li din il-policy titratta prekawzjonijiet li jridu jittieħdu minn tobba, infermiera u paramediċi meta jikkuraw jew jeżaminaw pazjenti bl-influwenza.

“Dawn il-miżuri jaċċertaw li huma stess ma jeħdux il-virus u lanqas ixerrduh fl-isptar,” żiedet tgħid.

"L-influwenza staġjonali hi A(H3N2) b'sintomi tipiċi ta' influwenza"

Il-kelliema spjegat li din is-sena l-influwenza staġjonali hija tat-tip A(H3N2), bis-sintomi huma dawk tipiċi ta’ influwenza.

Saħqet li l-influwenza staġjonali tista’ tkun miġġielda aħjar jekk il-pazjenti jieħdu t-tilqima tal-influwenza, li din is-sena ħaduha aktar minn 70,000 persuna.

Fakkret li t-tilqima għadha tista’ tittieħed miċ-Ċentri tas-Saħħa kollha mingħajr ħlas.

Sadanittant fi stqarrija, il-Ministeru għas-Saħħa qal li minn Ottubru ‘l hawn ma nstab l-ebda pazjent f’Mater Dei li għandu l-influwenza H1N1, kif ġie rrappurtat f’sezzjoni tal-midja.