Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
“Ejjew ma nibżgħux, imma nibżgħu għal xulxin” – L-Arċisqof   |  "Irrid li l-libelli li fetaħ Chris Cardona kontra ommi ma jaqgħux" - Iben DCG   |  Il-GWU tgħid li d-dimostrazzjoni tal-Ħadd kompliet tifred   |  Żagħżugħa tinżamm arrestata fuq suspett li qatlet lil binha tarbija

​“Il-Gvern se jżarma l-Kunsilli Lokali” – PN

Christoph  Schwaiger  -  12/10/17 07:57 PM

Il-Partit Nazzjonalista (PN) qal li l-Gvern żarma l-Kunsilli Lokali u li  ħadilhom il-poter li għandhom.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Kelliema tal-PN għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Marthese Portelli u l-Kelliem għall-Kunsilli Lokali Robert Cutajar qalu li l-Oppożizzjoni tinsab lesta li tgħin lill-Gvern, li qed iżarma l-Kunsilli Lokali.

Skont Portelli, il-Gvern iddeċieda li joħloq Aġenzija ġdida biex tamministra x-xogħol fit-toroq. Qalet li l-Oppożizzjoni se tinsisti li filwaqt li x-xogħol jiġi amministrat mill-aġenzija, id-deċiżjonijiet dwar liema toroq għandhom isiru jittieħdu mill-Kunsilli Lokali.

Marthese Portelli qalet li l-PN lest jgħin lill-Gvern, fost l-oħrajn, billi jinsisti li:

  • Il-ħaddiema ta’ Transport Malta f’dan is-settur u li għandhom l-esperjenza, jingħataw l-opportunità li jaħdmu f’din l-Aġenzija
  • Il-kuntratturi Maltin kollha għandhom jingħataw l-istess opportunità biex jipparteċipaw f’dan il-proġett
  • Jekk il-Gvern jiddeċiedi li jġib esperti barranin, dawn għandhom jaħdmu id f’id ma’ dawk Maltin
  • Il-Kunsilli Lokali mhux biss ikunu kkonsultati dwar id-deċiżjonijiet, iżda d-deċiżjonijiet dwar liema toroq u meta jsiru, jittieħdu mal-Kunsilli

Robert Cutajar qal li l-Partit Nazzjonalista mhux se jħalli lill-Gvern jgħaddi bħal romblu minn fuq is-Sindki, Viċi Sindki u Kunsilliera Maltin u Għawdxin, iżda se jkun it-tarka tagħhom. 

“Il-PN ma fehem xejn” - PL

F’reazzjoni għal dak li ntqal mill-PN, il-Partit Laburista qal li bil-mod kif il-PN ħareġ jattakka miżura li hemm mandat għaliha mill-manifest elettorali, reġa’ wera li ma fehem xejn.

Il-PL saħaq li bil-proġett li jsiru t-toroq ta’ Malta kollha, il-Gvern se jkun qed jagħti l-ikbar appoġġ fl-istorja lill-Kunsilli Lokali. Skont il-PL, l-Oppożizzjoni baqgħet negattiva u ħarġet tgħid li l-Gvern irid iżarma lill-Kunsilli Lokali. 

Fi kliem il-PL, il-Gvern se jkun qiegħed iħalli iktar flus għand il-Kunsilli għall-proġetti oħra, filwaqt li jerfa’ hu l-piż li jsiru t-toroq fil-lokalitajiet.

"Nifs għall-Kunsilli" - Sezzjoni Kunsilliera

Min-naħa tiegħu, il-President tas-Sezzjoni Kunsilliera tal-Partit Laburista Mario Fava stqarr li bil-proġett infrastrutturali li se jwassal biex isiru t-toroq kollha ta' Malta f'seba' snin, il-Kunsilli Lokali se jieħdu nifs kbir. Sostna li l-Kunsilli se jibqagħlhom l-istess allokazzjoni għall-manutenzjoni tat-toroq ta' €7.5 miljun. 

Ritratt: PN