Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
“Ejjew ma nibżgħux, imma nibżgħu għal xulxin” – L-Arċisqof   |  "Irrid li l-libelli li fetaħ Chris Cardona kontra ommi ma jaqgħux" - Iben DCG   |  Il-GWU tgħid li d-dimostrazzjoni tal-Ħadd kompliet tifred   |  Żagħżugħa tinżamm arrestata fuq suspett li qatlet lil binha tarbija

Baġit b’elementi pożittivi iżda ma jħarisx fit-tul – Kummissjoni Ġustizzja u Paċi

Yendrick  Cioffi  -  12/10/17 01:36 PM

Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tal-Knisja faħħret diversi miżuri speċifiċi li huma inklużi fil-Baġit tal-Gvern għas-sena d-dieħla imma saħqet li ma jħarisx biżżejjed fit-tul.

Fir-reazzjoni tagħha għall-Baġit 2018, il-Kummissjoni faħħret il-proposti li l-Gvern ressaq dwar l-iskart, il-kontenituri tax-xorb, it-trasport kollettiv, il-vjolenza domestika, l-adozzjoni u l-fostering.

Saħqet li l-Baġit jindirizza wkoll il-kwalità tal-ħajja u fost il-miżuri semmiet il-ġurnata addizzjonali ta’ leave.

“Jiffoka wisq fuq l-aspetti finanzjarji u l-miżuri ta’ darba”

Iżda l-Kummissjoni kritikat kif il-Baġit jiffoka biss fuq l-aspetti finanzjarji u miżuri ta’ darba. Fi kliemha dawn “ftit jikkontribwixxu għall-ġid komuni.”

Waqt li kkwotat l-Enċiklika tal-Papa Franġisku Laudato Si, il-Kummissjoni tisħaq li “miżura tajba u adegwata u fit-tul mhijiex dik li tingħata darba biss fis-sena, jew għal xi okkażjoni partikolari, imma li tħalli effett fil-ħajja ta’ kuljum tal-individwu u tas-soċjetà.”

“Id-dħul mill-programm taċ-Ċittadinanza mhux sostenibbli”

Il-Kummissjoni kienet kritika wkoll għall-fatt li parti mis-surplus li se jsostni l-Baġit, ġie mid-dħul tal-Programm taċ-Ċittadinanza u li fi kliemha mhux sostenibbli.

Dwar dan il-programm li l-Gvern estenda għas-sena li ġejja, il-Kummissjoni saħqet li “ta’ min jistħarreġ il-valur etiku u morali tiegħu.”

Tilqa’ l-White Paper dwar il-kera imma titlob spjegazzjoni

Il-Kummissjoni laqgħet b’sodisfazzjon l-aħbar li se tkun ippubblikata White Paper dwar is-suq tal-kera u li tobbliga lis-sidien biex jirreġistraw kull kuntratt ta’ kera tal-propjetajiet tagħhom.

Minkejja dan talbet spjegazzjoni fid-dettall ta’ xi trid tgħid biha l-White Paper meta tgħid li “fin-nuqqas tiegħu (tar-reġistrazzjoni tal-kuntratt tal-kera) is-sid ma jkunx protett mil-liġijiet tal-pajjiż”.

Qalet li kwalunkwe miżura għandha tipproteġi d-drittijiet tal-persuni kollha, b'mod speċjali ta' dawk l-iżjed vulnerabbli.

Ħeġġet ukoll biex sakemm jidħlu fis-seħħ it-tibdiliet imsemmija, jiġu protetti dawk li s-sitwazzjoni tagħhom “għadha prekarja u inkwetanti.”

“Ma hemmx pjan fit-tul fuq it-trasport”

Ir-reazzjoni titkellem ukoll dwar it-trasport u tgħid li minkejja li ssemmew miżuri pożittivi, xorta waħda ma hemmx pjan fit-tul, bidla fil-mentalità u alternattivi serji ta’ trasport. Tisħaq li t-trasport huwa marbut mal-kwalità tal-ħajja u ħafna drabi dan qed jispiċċa kawża ta’ tbatija u frustrazzjoni għan-nies.

“Id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu fl-interess tal-ġid komuni”

L-istqarrija ttemm tfakkar fl-omelija tal-Arċisqof Charles Scicluna nhar l-Indipendenza, meta ħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jaħdmu favur il-ġid komuni.

Tisħaq li d-deċiżjonijiet politiċi ma għandhomx ikunu bbażati fuq il-profitt u s-suċċess elettorali, imma li għandhom jittieħdu fl-interess tal-ġid komuni.

Aqra r-reazzjoni sħiħa: