Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
“Ejjew ma nibżgħux, imma nibżgħu għal xulxin” – L-Arċisqof   |  "Irrid li l-libelli li fetaħ Chris Cardona kontra ommi ma jaqgħux" - Iben DCG   |  Il-GWU tgħid li d-dimostrazzjoni tal-Ħadd kompliet tifred   |  Żagħżugħa tinżamm arrestata fuq suspett li qatlet lil binha tarbija

Il-Knisja ilha sentejn titlob lill-Gvern jagħmel studju dwar il-proprjetà

Matthew Borg  -  12/10/17 10:01 AM

Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi, Sandro Chetcuti, qal li huwa jaqbel li l-istudju dwar il-propjetà f’Malta li l-kumpanija KPMG għamlet għall-iżviluppaturi jiġi ippubblikat. Żied jgħid li iżda d-deċiżjoni finali dwar dan, qiegħda f’idejn il-membri tal-Kunsill tal-Assoċjazzjoni li se jiltaqa’ llejla.

Chetcuti qal dan waqt il-programm Follow-Up li jixxandar fuq RTK. Il-mistiedna prinċipali tal-programm kienu Mario Camenzuli, il-President tal-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent tal-Knisja u Ronald Camilleri, membru tal-istess Kummissjoni.

Camilleri qal li ilhom sentejn jiġbdu l-attenzjoni tal-Gvern dwar l-importanza li jagħmel studju dwar il-propjetà kollha f’Malta, iżda dan l-istudju baqa’ qatt ma sar.

Kompla jgħid li dan jikkuntrasta mal-pożizzjoni li ħa l-Prim Ministru, Joseph Muscat, meta riċentament attenda għat-tnedija tal-istudju li sar mill-KPMG għall-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi (MDA), u qal li japprovah.

Camilleri rrimarka li hu skonċertanti meta l-Gvern jinjora t-talba tal-Knisja, u fl-istess ħin japprova studju tal-privat u jibni l-politika infrastrutturali tiegħu fuq dan l-istudju.

Żied jgħid li hu kruċjali li l-Gvern ikollu studju tiegħu dwar il-proprjetà f’Malta u d-diffikultajiet li l-ambjent qed jaffaċċja minħabba żvilupp eċċessiv.

Chetcuti, iddeskriva bħala “populist u suġġettiv” il-kumment li jidher fid-dokument tal-KA, li jgħid li Malta saret qisha sit wieħed ta’ kostruzzjoni.

Tkellem ukoll dwar il-pompi tal-petrol, u qal li l-MDA ma kinitx qablet mal-politika ta’ kif jiġu permessi dawn il-pompi, u qal li jaqbel ma’ dak li qed tgħid il-KA dwar dan is-suġġett.

Waqt il-laqgħa ż-żewġ naħat qablu li jiltaqgħu flimkien għal aktar diskussjonijiet.