Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
“Ejjew ma nibżgħux, imma nibżgħu għal xulxin” – L-Arċisqof   |  "Irrid li l-libelli li fetaħ Chris Cardona kontra ommi ma jaqgħux" - Iben DCG   |  Il-GWU tgħid li d-dimostrazzjoni tal-Ħadd kompliet tifred   |  Żagħżugħa tinżamm arrestata fuq suspett li qatlet lil binha tarbija

Il-Kummissarju għas-Saħħa mhux sodisfatt bl-ambjent f’Monte Karmeli

Yendrick  Cioffi  -  12/10/17 03:49 PM

Il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali, Dr John Cachia, qal li mhux sodisfatt bl-ambjent f’Monte Karmeli, minkejja li sena wara sena, l-uffiċju tiegħu ħareġ rapporti jisħqu dwar is-sitwazzjoni f’dan l-isptar.

Huwa qal li Monte Karmeli lanqas jibda ħdejn it-taqsima psikjatrika f’Mater Dei u fi kliemu, Monte Karmeli, ma għadux l-aħjar post li fih persuni bi problemi ta’ saħħa mentali jieħdu l-kura b’mod dinjituż.

Waqt il-programm Follow-up fuq RTK, Dr Cachia qal li se jibqa’ jinsisti sakemm l-affarijiet imorru għall-aħjar.

Fakkar li bħala Kummissarju għas-Saħħa Mentali qed jipproponi li l-kura akuta għall-pazjenti bi problemi ta’ saħħa mentali timxi minn Monte Karmeli għal Mater Dei u anke biex is-servizz lil dawn il-persuni jiċċaqlaq minn ambjent ta’ sptar għal dak fil-komunità, fejn anke ċ-ċentri tas-saħħa jkollhom rwol ċentrali f’din il-kura.

Minkejja dan, faħħar il-ħidma tal-professjonisti u l-ħaddiema kollha tal-isptar Monte Karmeli u insista li d-dedikazzjoni tagħhom tagħmel tajjeb għan-nuqqas li jeżisti fl-ambjent tal-isptar. 

“Soqfa joqtru u sodod fil-kurituri”

Waqt l-istess programm ċempel il-ġurnalist Joe Mikallef li wkoll tkellem dwar is-sitwazzjoni f’Monte Karmeli u li fi kliemu tnissillek swied ta’ qalb malli tidħol fiha.

Semma grupp ta’ 25 pazjent bid-dimensja li kienu qed jingħataw kura tajba f’waħda mis-swali u li f’daqqa waħda spiċċaw mifruxa fi swali oħra, ma’ pazjenti oħra, għax fi kliemu hekk iddeċieda l-Ministru.

Tkellem dwar diversi ilmenti li jagħmlu qraba ta’ pazjenti dwar it-traskuraġni fis-swali, fosthom soqfa joqtru, sodod ma’ xulxin u oħrajn fil-kurituri.

“Persuni b’vizzju ta’ droga fi swali ma’ pazjenti oħra jtellfu mill-kura”

Apparti minn hekk, fil-jiem li għaddew, id-Deputat tal-Partit Demokratiku Godfrey Farrugia qal li s-sitwazzjoni f’Sala 8b tal-Isptar Monte Karmeli ma tagħmilx ġieħ lill-kura tas-saħħa f’Malta u tmur kontra l-Att dwar is-Saħħa Mentali.

Fost affarijiet oħra, Farrugia qal li s-sala ma għandhiex konsulent psikjatriku, hemm nuqqas ta’ tagħmir mediku u ħadd ma jsegwi l-protokoll. Semma fost oħrajn li għalkemm is-sala suppost tintuża mill-irġiel biss, hemm rikoverati fiha anke nisa, apparti li kulħadd ipejjep f’kulħadd.

Ma’ Newsbook.com.mt, il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali qal li s-sena li għaddiet għamel stħarriġ fil-fond tas-sitwazzjoni tal-kura tad-droga fl-isfond ta’ servizzi għal pazjenti bi problemi ta’ saħħa mentali fl-Isptar Monte Karmeli.

Minkejja dan, naqas milli jgħid x’sab dan l-istħarriġ, u minkejja diversi tentattivi, Newsbook.com.mt ma rnexxilux jikseb dan ir-rapport. Il-Kummissarjat għas-Saħħa Mentali naqas ukoll milli jwieġeb dwar jekk dak li sab l-istħarriġ imurx kontra l-Att dwar is-Saħħa.

Minflok, fir-risposta tiegħu, il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali ffoka fuq il-konklużjonijiet tar-rapport.

Fost affarijiet oħra, il-Kummissarju saħaq li jeħtieġ issir distinzjoni ta’ kura meħtieġa minn tipi differenti ta’ persuni li għandhom problema tad-droga u li persuni b’vizzju tad-droga rikoverati fi swali mhux addattati jtellfu morda oħra.

Kien hawn li appella koperazzjoni sħiħa bejn is-servizzi tas-saħħa u dawk tas-Sedqa biex tkun offruta kura addattata għal kulħadd.

“Hi responsabbilità tal-entitajiet responsabbli mis-servizzi li jieħdu l-azzjoni meħtieġa,” saħaq il-Kummissarju.

Temm jgħid li se jibqa’ jsegwi u jara li l-azzjoni meħtieġa tittieħed minn kull min hu responsabbli.