Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
“Ejjew ma nibżgħux, imma nibżgħu għal xulxin” – L-Arċisqof   |  "Irrid li l-libelli li fetaħ Chris Cardona kontra ommi ma jaqgħux" - Iben DCG   |  Il-GWU tgħid li d-dimostrazzjoni tal-Ħadd kompliet tifred   |  Żagħżugħa tinżamm arrestata fuq suspett li qatlet lil binha tarbija

​Kelb u qattus dwar il-Kumitat tekniku tal-Iskart

Christoph  Schwaiger  -  12/10/17 04:27 PM

Il-Parit Laburista (PL) qal li l-Partit Nazzjonalista (PN) qed jipprova jxekkel il-ħidma tal-kumitat tekniku tal-iskart, filwaqt li l-Oppożizzjoni qed tinsisti li l-Gvern mhux qed jagħti spjegazzjonijiet pubbliċi.

Fi stqarrija l-Parit Laburista qal li wara li l-Partit Nazzjonalista għażel li ma jaħtarx rappreżentant f’isem l-Oppożizzjoni fuq kumitat tekniku dwar l-immaniġġjar tal-iskart, il-PN issa jrid jipprova jxekkel il-ħidma ta’ dan il-Kumitat b’logħob politiku partiġġjan.

Skont il-PL, il-membri tal-Gvern fuq il-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent jemmnu li l-Kumitat għandu jiddiskuti l-kwistjonijiet marbuta mal-ħidmiet tiegħu, wara li l-kumitat tekniku jlesti x-xogħol u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet.

Il-PL temm jgħid li l-Oppożizzjoni qed tipprova taqleb kollox ta’ taħt fuq, anke dwar waħda mill-ikbar sfidi li għandu l-pajjiż għall-ġejjieni.

Minn xiex qed jibża’ l-Gvern?” - PN 

F’reazzjoni għal dan, il-PN staqsa minn xiex qed jibża’ l-Gvern. Il-partit qal li l-Gvern qed jieħu attitudni ħażina ħafna dwar id-deċiżjoni tiegħu stess li jibni inċineratur, tant li dwarha ma jrid jagħti l-ebda spjegazzjoni fil-pubbliku.

Il-PN reġa’ semma kif il-Gvern ma jridx li l-Ministru għall-Ambjent u l-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ jidhru quddiem il-Kumitat tal-Parlament dwar l-Ambjent. Semma wkoll li l-Gvern lanqas irid jippubblika d-diversi rapporti li saru matul l-aħħar snin dwar dan is-settur.

Fi kliem il-PN, il-Gvern qed jagħżel li jibqa’ jwebbes rasu u jaħrab minn kull opportunità li matulha jista’ jispjega d-deċiżjoni li diġà ħa fis-settur tal-immaniġġjar tal-iskart.

L-Oppożizzjoni qalet li se tkompli toffri l-id tal-koperazzjoni u turi li lesta tgħin, iżda tistenna li l-Gvern jieqaf jgħaddi lin-nies biż-żmien u li ma jibqax jibża’ jispjega d-deċiżjoni li diġà ħa.

Stqarrija tal-Gvern

Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Ambjent qal li f’tentattiv li tissewwa d-deċiżjoni ħażina li ma tipparteċipax f’dan il-kumitat, l-Oppożizzjoni għażlet li tippożizzjona ruħha politikament billi taqleb il-proċess fuq rasu.

Skont il-Ministeru, fuq il-qasam tal-iskart il-Gvern qed jimxi bl-iktar mod trasparenti u professjonali. Il-kumitat imbagħad joħroġ bir-rakkomandazzjonijiet tiegħu li jiġu diskussi pubblikament, inkluż fil-Parlament, mingħajr problemi qabel ma jittieħdu deċiżjonijiet.