Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
AĦNA MHUX SE NISKTU   |  Il-President tilqa' lis-Soċjetà Ċivili; Jitolbu r-riżenja mmedjata tal-Kummissarju u l-AĠ   |  "Mhux eskluż li l-assassinju kien ikkummissjonat minn politiċi" - Oħt DCG   |  Ritratti: Quddiem id-Depot isejħu għar-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija

"L-ekonomija dinjija se tkompli tikber" - L-IMF

Charmaine  Attard   -  12/10/17 01:27 PM

It-tkabbir ekonomiku globali attwali mistenni jkun sostnut matul is-sena d-dieħla wkoll, skont rapport tal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF).

Dan hekk kif it-tkabbir qawwi f’bosta partijiet tad-dinja għandu jpatti n-nuqqas ta’ rankatura ekonomika fi tlieta mill-akbar ekonomiji importanti, jiġifieri dawk tal-Istati Uniti, ir-Renju Unit u l-Indja.

L-IMF tejjeb il-previżjoni tat-tkabbir ekonomiku globali għall-2017 b’0.1% għal 3.6%, u ta’ 3.7% għall-2018, grazzi għal titjib fil-kummerċ, investiment u fiduċja tal-konsumaturi. Il-previżjonijiet għaż-żona ewro, il-Ġappun, u r-Russja kienu kollha mtejbin.

It-tkabbir għall-Istati Uniti baqa’ ta’ 2.2% għal din is-sena, hekk kif it-tnaqqis fit-taxxa mwiegħed mill-President Trump baqa’ ma twettaqx, minħabba nuqqas ta’ qbil politiku fil-Kungress. L-IMF qal li fuq medda itwal ta’ żmien, it-tkabbir ekonomiku fl-Istati Uniti mistenni jimmodera minħabba tkabbir limitat fil-produttività u l-bdil demografiku.

Għal kuntrarju, il-Fond naqqas il-previżjoni ta’ tkabbir għar-Renju Unit fid-dawl tad-deċiżjoni tal-ħruġ mill-Unjoni Ewropea u l-kumplikazzjonijiet li qed jirriżultaw fid-diskussjonijiet biex dan fil-fatt iseħħ.

Sa mit-teħid tal-vot favur Brexit, ir-Renju Unit, minn wieħed mill-aktar ekonomiji jikbru b’rata mgħaġġla fost dawk tal-G7, issa niżel fl-aħħar postijiet ta’ din il-klassifika partikolari (tkabbir ta’ 1.5% previst għall-2018). Il-Ġappun u l-Italja biss jikklassifikaw warajħ.

Il-Fond tejjeb ukoll ir-rati previsti ta’ tkabbir għaċ-Ċina, fid-dawl tal-politika ekonomika espansjonita ta’ Beijing, bi tbassir ta’ 6.8% għal din is-sena u 6.5% għas-sena d-diela.

Fil-kummenti tiegħu, il-Fond qal li fil-preżent l-akbar riskju għas-sostenibbiltà tat-tkabbir ġej mill-policies Amerikani fil-qasam regolatorju, kummerċjali u fiskali li saru dejjem aktar diffiċli biex tipprevedihom, il-kwistjonijiet marbuta ma’ Brexit kif ukoll il-possibbiltà ta’ żieda fir-rati tal-imgħax mill-banek ċentrali.

Żieda fil-profitt għal Blackrock

L-akbar ġestur ta’ assi fid-dinja, BlackRock Inc, irrapporta żieda ta’ 8.2% fil-profitti tiegħu, żieda akbar milli kienet mistennija minn stimi preċedenti, grazzi għal dħul akbar minn miżati fuq tranżazzjonijiet, hekk kif l-investituri mexxew aktar investimenti lejn exchange traded funds.

Il-kumpanija rat id-dħul tagħha mill-miżati fuq it-tranżazzjonijiet jiżdiedu għal $1.07 biljun.

Blackrock għalqet it-tielet kwart tas-sena b’assi fil-ġestjoni tagħha ta’ $5.98 triljun, bi dħul nett ta’ 947 miljun dollaru, li ssarraf għal 5.78 dollaru kull sehem, żieda meta mqabbel mal-5.26 dollaru tal-istess perjodu s-sena li għaddiet.

L-ETFs saru popolari ferm mal-investituri fl-aħħar snin u issa huma responsabbli għal parti kbira mid-dħul ta’ BlackRock, u huma sors ta’ tħassib minn investituri tradizzjonalisti li ġeneralment jiċċarġjaw miżati ogħla.

L-ishma ta’ Blackrock kienu fost l-aktar b’saħħithom matul l-2017, b’żieda ta’ aktar minn 21%. Dan huwa ferm aktar miż-żieda komplessiva fl-indiċi tal-S&P 500 (14%) kif ukoll mill-medja tal-kumpaniji finanzjajri kwotati fuq l-istess indiċi (13%).

Bidliet ippjanati minn Pfizer

Il-ġgant farmaċewtiku Pfizer qed jikkunsidra l-bejgħ tas-sezzjoni tan-negozju tas-saħħa tal-konsumatur, diviżjoni li tinkludi ditti bħal Advil, Robitussin and ChapStick.

Il-kumpanija qed tfittex li “timmassimizza l-valur” għall-azzjonisti permezz ta’ ftehim ta’ bejgħ jew spin off. Fl-2016, dan innegozju ġġenera 3.4 biljun dollaru għal Pfizer, madwar 6% tad-dħul totali tal-kumpanija. Esperti tal-indusrija jemmnu li l-kumpanija tista’ tattira offerti ta’ erba’ darbiet aktar, jiġifieri valur ta’ qrib l-14-il biljun dollaru.

Skond il-Kap Eżekuttiv ta’ Pfis Ian Read, din id-deċiżjoni ttieħdet minħabba l-fatt li l-operazzjonijiet ta’ din in-negozju huma distinti biżżejjed mill-attivitajiet ċentrali tal-kumpanija u għalhekk hemm aktar potenzjal biex il-valur tagħha jkun imwettaq aktar b’kumpanija separata.

Fost il-kumpaniji li jistgħu jkunu interessati hemm Nestle, Reckitt Benckiser, Procter & Gamble, GlaxoSmithKline, Johnson & Johnson u Abbott.

Mal-ħruġ ta’ din l-aħbar, iċ-ċaqliq fil-valur tal-ishma ta’ Pfizer kien wieħed marġinali. Deċiżjoni finali hi mistennija matul is-sena d-dieħla.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net Tel. 21493250. Tista' tirċievi l-artiklu b'xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.