Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
“Ejjew ma nibżgħux, imma nibżgħu għal xulxin” – L-Arċisqof   |  "Irrid li l-libelli li fetaħ Chris Cardona kontra ommi ma jaqgħux" - Iben DCG   |  Il-GWU tgħid li d-dimostrazzjoni tal-Ħadd kompliet tifred   |  Żagħżugħa tinżamm arrestata fuq suspett li qatlet lil binha tarbija

Patri Avertan Fenech pass eqreb għall-Beatifikazzjoni

Yendrick  Cioffi  -  12/10/17 01:30 PM

F’ċirkolari ppubblikata mill-Arċidjoċesi ta’ Malta, tħabbar li ġiet fi tmiemha l-Inkjesta Djoċesana għall-Kawża tal-Beatifikazzjoni u l-Kanonizzazzjoni ta’ Patri Avertan Fenech Karmelitan.

Kien l-Arċisqof Charles Scicluna, li nhar it-2 ta’ Frar waqqaf it-Tribunal li għarbel diversi xhieda, dokumentazzjoni u rċieva pariri minn teoloġi li studjaw il-kitbiet ta’ dan il-Patri Karmelitan.

Newsbook.com.mt ħa r-reazzjoni tal-Viċi Postulatur tal-Kawża, Patri Charlo Camilleri O.Carm, li ddeskriva din l-aħbar bħala mument ta' grazzja mhux biss għall-Karmelitani imma għall-Knisja Maltija.

Patri Camilleri kompla jgħid li mill-1943 sal-lum, il-Kunvent tal-Imdina rċieva bosta notifiki ta' grazzji maqlugħa bl-interċessjoni ta' Patri Avertan.

Iżjed minn dan, fl-aħħar jiem, l-Uffiċċju tal-Postulatur fl-Imdina rċieva notifika ta' miraklu li ġie mgħoddi lit-tribunal imwaqqaf għall-kawża biex tinġabar ix-xhieda u d-dokumentazzjoni medika ta' dan il-każ. B'hekk dan jiġi studjat bir-reqqa u aktar 'il quddiem iġġudikat minn esperti mediċi u eventwalment it-teoloġi.

Patri Charlo Camilleri qal ukoll li minkejja li Patri Avertan ilu mejjet 74 sena, qatt ma qatgħu d-devoti li jżuru l-qabar tal-Qaddej ta' Alla u li jiktbu l-grazzji li qalgħu bl-interċessjoni tiegħu.

Saħaq li kien għalhekk li l-Patrijiet iddeċidew li jiftħu l-kawża "biex tinvestiga dak li l-poplu diġà jemmen f'qalbu," iżda saħaq li qatt ma ħolmu li se jaslu sa hawn.

Wera wkoll is-sodisfazzjon tiegħu li l-Arċisqof għażel l-1 ta' Novembru, Solennità tal-Qaddisin Kollha, bħala l-għeluq formali u kanoniku tal-Inkjesta Djoċesana. Dan jaħbat ukoll jum il-mewt ta' Patri Avertan. Dakinhar se ssir Quddiesa solenni fil-Kon Katidral ta' San Ġwann.

Mistoqsi xi jfisser għall-Karmelitani, Patri Charlo qal li Patri Avertan huwa mera tal-ħajja Karmelitana kif suppost għandha tkun, jiġifieri ħajja ta' talb u għaqda ma' Alla, imħabba għall-Kristu u ħajja retta fil-qadi ta' Alla, fil-għixien fil-komunità u fil-qadi tal-poplu, dejjem fuq l-eżempju u l-ħarsien tal-Madonna.

Imwieled il-Mosta nhar l-10 ta’ Lulju, 1871, Patri Avertan kien dejjem taħt id-dell tal-Madonna tal-Karmnu. Dan hekk kif ommu kienet taħdem ma’ familja li tgħix qrib is-Santwarju tal-Karmnu u kien iqatta’ ħafna minn ħinu hemm.

Huwa daħal mal-Ordni tal-Karmelitani fl-1888. Tul ħajtu ħafna nies kienu jfitxuh għall-pariri u l-qrar.

Għal 11-il sena u nofs, Patri Avertan għex ħajtu kważi paralizzat. F’dawk is-snin huwa baqa’ jagħti s-servizz tiegħu u diversi nies kienu jmorru għandu għall-pariri u l-għajnuna.

Minkejja li Patri Avertan ma kellux leħen jagħtih xorta wassal il-messaġġ tiegħu. Dan hekk kif qatt ma lissen kelma ta’ tgergir meta bata l-ġuħ fil-gwerra jew sab ruħu fis-sodda tal-mard u s-siġġu tar-roti.