Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
“Ejjew ma nibżgħux, imma nibżgħu għal xulxin” – L-Arċisqof   |  "Irrid li l-libelli li fetaħ Chris Cardona kontra ommi ma jaqgħux" - Iben DCG   |  Il-GWU tgħid li d-dimostrazzjoni tal-Ħadd kompliet tifred   |  Żagħżugħa tinżamm arrestata fuq suspett li qatlet lil binha tarbija

Studenti mitluba jimlew il-vojt tal-għalliema; il-Ministru jispjega

Yendrick  Cioffi  -  12/10/17 10:18 AM

Studenti li qed jistudjaw biex isiru għalliema, qegħdin jirċievu imejl jħeġġuhom jiddedikaw ftit sigħat biex jaħdmu minn issa bħala edukaturi f’diversi suġġetti.

L-imejl qed titlob lill-istudenti li qed isegwu l-kors Masters in Teaching and Learning biex jikkuntatjaw lid-Dipartiment tal-Edukazzjoni jekk jistgħu jaħdmu part-time u jagħmlu tajjeb għal nuqqas ta’ għalliema tal-Accounts, il-Chemistry, il-Bioloġija, l-Integrated Science, l-ICT u l-Computer Studies.

Minkejja ħafna li kkumentaw kontra, il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li din id-deċiżjoni ttieħdet biex il-Ministeru jiżgura li “jkollna l-aqwa għalliema kwalifikati jgħallmu lill-istudenti fl-iskejjel tagħna li hemm nuqqas ta’ għalliema f’numru ta’ suġġetti.”

Minkejja li s-sena skolastika bdiet tliet ġimgħat ilu, il-Ministru qal li għandu post għal erba’ għalliema full-time u 4 għalliema part-time fi skejjel sekondarji.

Saħaq li dawk l-istudenti li se jkunu aċċettati biex jimlew dan in-nuqqas, għandhom mill-inqas il-kwalifiċi mitluba għas-supply teachers.

Iżda din id-deċiżjoni ma niżlitx tajjeb ma’ kulħadd. Kien hemm minn kiteb li din mhux soluzzjoni għall-“kriżi tal-għalliema” u ma jagħmilx sens li “studenti jgħallmu lil studenti.”



“B’din is-sejħa qed tkomplu twasslu l-messaġġ li biex tkun għalliem ma għandekx bżonn xi taħriġ speċjali,” kitbet persuna. Oħrajn qalu li din id-deċiżjoni hija prova ċara li hemm bżonn investiment qawwi fl-edukazzjoni u li sa issa għadu ma sarx.

Oħrajn, taħt l-istess post tal-Ministru, tkellmu fuq il-paga u l-kundizzjonijiet tal-għalliema u ħeġġew lill-Ministru biex jieħu passi.


 


Fi kliem uħud, l-għalliema mhux stmati għal xogħolhom u staqsew min se jidħol għal kors ta’ għalliem meta jaf li l-kundizzjonijiet u l-paga mhux tajbin.

Kien hemm min ikkritika wkoll il-fatt li student sar irid jagħmel 5 snin l-Università biex isir għalliem meta fi żmien iqsar jista’ joħroġ jaħdem u jkollu paga ħafna aħjar minn dik tal-għalliema.

Studenti jitolbu laqgħa urġenti mal-Ministru

L-Għaqda Studenti Demokristjani Maltin (SDM) qalet li qed titlob laqgħa mal-Ministru għall-Edukazzjoni, Evarist Bartolo, f’isem l-istudenti kollha tal-B.Ed u l-MTL.

Fi stqarrija, l-SDM saħqet li ġaladarba studenti tal-B.Ed u l-MTL jagħmlu snin jistudjaw biex isiru għalliema professjonali, id-deċiżjoni tal-Ministeru ma tirrispettax lil dawn l-istess studenti.

L-SDM qalet li kellha laqgħa ma’ diversi studenti u kien għalhekk li kkuntatjaw direttament lill-Ministru biex jorganizzaw laqgħa.

L-għaqda tal-istudenti qalet li din id-deċiżjoni se twassal biss għal għalliema mhux immotivati b’xogħolhom u li fl-aħħar mill-aħħar se tħalli impatt negattiv fuq l-istudenti.

Temmet tgħid li tittama li tirċievi risposta malajr kemm jista’ jkun.