Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
“Ejjew ma nibżgħux, imma nibżgħu għal xulxin” – L-Arċisqof   |  "Irrid li l-libelli li fetaħ Chris Cardona kontra ommi ma jaqgħux" - Iben DCG   |  Il-GWU tgħid li d-dimostrazzjoni tal-Ħadd kompliet tifred   |  Żagħżugħa tinżamm arrestata fuq suspett li qatlet lil binha tarbija

L-aħħar kelmiet ta' Doreen: "Oħorġu minn hawn u tbissmu"

Charmaine  Attard   -  12/10/17 12:16 PM

Il-qabla u omm maħbuba Doreen Cassar, li tilfet il-battalja mal-kanċer ta’ 46 sena, bagħtet ittra biex tinqara waqt il-funeral tagħha stess.

Fl-ittra emozzjonanti, li nqrat mill-Kappillan ta’ Ħal Balzan Mons. Karm Farrugia u ħalliet lil kulħadd issummat, Doreen, li kienet miżżewġa bi tliet ulied, twassal appell imqanqal għall-fidi, ferħ u tama, biex jiġu miġġielda l-weġgħat.

Doreen tikteb li jekk ikollha tgħid, Ħal Balzan qatt ma ra daqshekk nies f’din iċ-ċelebrazzjoni ta’ ħajja.

“Xtaqt ngħix iżjed imma ħakmitni marda li kulħadd imwerwer li se taqbad lilu”, tkompli tikteb Doreen, waqt li tisħaq li kburija li avolja mietet żgħira, f’ħajjitha kellha kollox u għamlet ħafna.

Doreen tirrimarka li fil-ħajja mhux kemm snin tgħix, imma kif tgħix. Tgħid li ħadd ma basar li wara ħames snin tieħu ħsieb lil Valerie, qabla oħra, il-kanċer kellu jaqbad lilha wkoll.

Kellha appell f’saħħtu biex il-ħajja ma naħluhiex fuq x’tagħmel dik u x’jagħmel dak, waqt li fakkret li l-istress żejjed ma jagħmilx ġid.

Lill-ġenituri qaltilhom biex mat-tfal, ma jkunux moħħhom fuq l-iskola biss, imma jħeġġuhom għall-isport u l-kultura.

“Neħħu l-gdiedem. Oħorġu minn hawn u tbissmu waħda għalija. Life goes on...” tkompli tgħid Doreen.

Tgħid li mhux l-ewwel darba li saqsiet ‘għaliex jien?’ meta kellha mumenti koroh.

Stqarret kif tħoss qalbek tieqaf waqt li ma tħossx saqajk meta tinduna li m’hemmx kura għalik.  Imma tgħid li kellha żewġ għażliet: Tintefa d-dar tistenna l-mewt teħodha jew li tibqa’ tiġġieled u tittama.

Persuni li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt u oħrajn li kitbu fuq il-mezzi soċjali, iddeskrivew il-funeral ta’ Doreen, bħala ċelebrazzjoni ta’ ferħ, kant u tifħir.

Għalihom Doreen kienet mara b’”karattru uniku, karattru tal-ġenn”.

“Batiet, imma mietet f’paċi kbira”, qalu oħrajn.

Intqal ukoll li ħejjiet il-funeral tagħha stess – quddiesa b’kant ferrieħ, bi bżieżaq jittajru mal-ħruġ tat-tebut u b’mota tal-festi minflok tal-mewt.

Għall-funeral ta’ Doreen Cassar, tpoġġew anke siġġijiet fuq iz-zuntier tal-Knisja, u saħansitra n-nies spiċċaw anke bilwieqfa fil-pjazza.

Tista’ taqra l-ittra sħiħa li Doreen kitbet għall-funeral tagħha stess hawn.