Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
“Ejjew ma nibżgħux, imma nibżgħu għal xulxin” – L-Arċisqof   |  "Irrid li l-libelli li fetaħ Chris Cardona kontra ommi ma jaqgħux" - Iben DCG   |  Il-GWU tgħid li d-dimostrazzjoni tal-Ħadd kompliet tifred   |  Żagħżugħa tinżamm arrestata fuq suspett li qatlet lil binha tarbija

Il-Papa Franġisku ġab bidla ġenwina

.     -  13/10/17 12:00 PM

“Għalija u għal numru kbir ta’ Franċiżi u ta’ Ewropej il-Papa Franġisku hu Papa ta’ bidla ġenwina”. Hekk iddikjara l-Arċisqof ta’ Poitiers fi Franza, Pascal Wintzer.

Hu ġieb bidla fis-sens qawwi u sabiħ tal-kelma. Mill-ewwel impressjona bil-mod kif jaħseb kif ukoll bl-imġieba tiegħu li biha jisfidana biex nimxu ‘l hinn minn dak li aħna mdorrijin bihu aħna mwaħħlin fih.

“B’mod partikolari wieħed  jiftakar fil-kummenti u l-ġesti tal-Papa favur merħba bla limiti tal-emigranti, ġejjin mnejn ġejjin u ta’ liema reliġjon huma.  Il-Papa ħawwad ukoll lil uħud minnha bl-eżortazzjoni appostolika tiegħu Amoris Laetitia li fiha hemm ftuħ kbir għall-familji ta’ kull tip”, qal l-Arċisqof Wintzer.

Għal elfejn sena sħaħ konna drajna nisimgħu  papiet li ġew minn kulturi Ewropej. Il-parti l-kbira tagħhom kienu Taljani u l-aħħar tnejn kienu Pollakk u Ġermaniż, imma xorta Ewropej.  Issa għandna Papa li ġej minn imkien ieħor, anke jekk missieru twieled fl-Italja.

Qabel wasal Papa Franġisku ma ndunajniex li l-mod kif konna nħabbru l-fidi tagħna kien kondizzjonat minn kultura partikolari, għax dik kienet il-kultura tagħna, il-kultura Ewropea.  Ir-reazjonijiet tagħna llum, mhux biss għall-kliem imma anke għall-ġesti ta’ Papa Franġisku jixhdu kundizzjonament kulturali li sal-lum ma konniex konxji tiegħu.

“Ovvjament meta Isqof isir Papa, isir bniedem universali. Fil-każ tal-lum hu Isqof mill-Arġentina li ngħata lill-Knisja Kattolika kollha kemm hi. Imma dan ma jfissirx li għandu jħassar l-istorja u l-partikolaritajiet tal-post li minnu ġej il-Papa”, sostna l-Arċisqof ta’ Poitiers.

Papa Franġisku għena napprezzaw li l-universalita’ m’hix sempliċi estenzjoni tad-dinja kollha, tad-drawwiet u t-tradizzjonijiet tal-kontinenti l-qodma, anke jekk dawn huma tradizzjonijiet insara. B’Papa Franġisku il-kultura u l-kattoliċiżmu qed jiksbu konsistenza ġdida bażati fuq ir-realta tad-dinja tal-lum.

“Dan għandu jwassalna nifhmu li l-Evanġelju mhux xi ħaġa tal-Ewropej li rridu nittrasmettu lill-oħrajn. Hu importanti li l-kattoliċi, inkluż il-prelati u s-saċerdoti, jifhmu li l-mudell Ruman, tajjeb kemm hu tajjeb, mhux it-totalita’ tal-Evanġelju”, sostna l-Arċisqof Wintzer.