Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
“Ejjew ma nibżgħux, imma nibżgħu għal xulxin” – L-Arċisqof   |  "Irrid li l-libelli li fetaħ Chris Cardona kontra ommi ma jaqgħux" - Iben DCG   |  Il-GWU tgħid li d-dimostrazzjoni tal-Ħadd kompliet tifred   |  Żagħżugħa tinżamm arrestata fuq suspett li qatlet lil binha tarbija

Ritratti: X’sar mis-6 skejjel li kellhom jitlestew f’Settembru?

Charmaine  Attard   -  13/10/17 02:10 PM

Għadhom fuq l-ixkaffa, is-sitt skejjel, li skont rapport tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada ppubblikat fl-2015 kellhom jitlestew sa Settembru li għadda.

Kellha tinbena skola primarja ġdida f’Wied il-Għajn, oħra l-Qawra u oħra r-Rabat Għawdex.  Kellha tiġi estiża l-iskola primarja tar-Rabat f’Malta, tinbena sala fl-iskola ta’ Santa Luċija u kumpless edukattiv ġdid fl-iskola ta’ San Miguel Primary Education Resource Centre f’Pembroke.

Newsbook.com.mt żar u ħa r-ritratti tas-siti li fihom hu ppjanat li jinbnew dawn l-iskejjel tal-Gvern, b’investiment ta’ €21.5 miljun. Iżda deher li ftit li xejn kien hemm żviluppi.

L-Iskola ta’ Wied il-Għajn: sena tard?

Dan ġie kkonfermat fid-diskors tal-baġit għall-2018, mill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna, li qal li l-iskola primarja ġdida f’Wied il-Għajn se tiġi inawgurata s-sena d-dieħla. Dan ifisser madwar sena wara d-data oriġinali.  Din l-iskola hi stmata li tiswa €4 miljun u hu l-uniku sit fejn jidher li għaddej ix-xogħol.

Il-Ministru semma wkoll li mistenni jitkompla x-xogħol fl-iskejjel ġodda tal-Imsida, tal-Qawra u tar-Rabat Għawdex.

Xogħol li sar fuq is-sit tal-iskola fil-Qawra kien biss dak ta’ skavar fis-sajf tal-2016. Il-proġett għandu jiswa €8 miljun.

Skola fir-Rabat Għawdex: Għadu lanqas intgħażel is-sit

L-iskola primarja ġdida fir-Rabat Għawdex mhux talli ma tlestietx f’Settembru li għadda, iżda lanqas għadu ġie stabbilit is-sit fejn se tinbena.  F’Mejju li għadda, l-FTS qal ma’ Newsbook.com.mt, li jiddependi mill-proċess ta’ tibdil tal-Pjan Lokali t’Għawdex.

Fil-Parlament din il-ġimgħa, il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li bħalissa qiegħed isir ix-xogħol preparatorju fuq il-proġett, fejn qed jiġu evalwati diversi siti. Għall-mistoqsija tad-deputat Nazzjonalista Chris Said, Bartolo qal li possibilment din se ssir fil-kumpless ta’ skejjel fir-Rabat stess.  Madanakollu tenna li d-diskussjonijiet għadhom għaddejjin, bl-iskola mistennija tiftaħ f’Settembru 2019. Dan ifisser sentejn tard mid-data oriġinali.

Din is-sitwazzjoni u n-nuqqas ta' għalliema fl-iskejjel se jiġu diskussi għada s-Sibt waqt il-programm Newsline fuq RTK 103FM bejn l-10am u nofsinhar, li jixxandar live ukoll fuq Facebook ta' Newsbook.

Ritratti: Ian Noel Pace