Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

“Intom kompliċi” - Iben DCG lill-PM, Konrad Mizzi, Keith Schembri u Chris Cardona

Charmaine  Attard   -  17/10/17 10:58 AM

Matthew Caruana Galizia, iben il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li ġiet assassinata lbieraħ waranofsinhar fi Triq il-Bidnija, qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru Chris Cardona huma kompliċi u responsabbli għal dak li ġara. 

Qal li huma kompliċi u responsabbli wkoll l-Avukat Ġenerali u l-lista twila ta' kummissarji tal-pulizija li ma ħadux azzjoni. 

​“Niġri fl-għalqa, nipprova niftaħ il-bieba tal-karozza, inwerżaq lejn il-pulizija...”

Meta splodiet il-karozza ta’ ommu ftit metri ‘l bogħod mir-residenza tagħhom, Caruana Galizia, li hu membru tal-Konsorzju Internazzjonali tal-Ġurnalisti Investigattivi, kien l-ewwel wieħed li mar fuq il-post.

F’kumment fuq Facebook (aqrah kollu hawn taħt) kiteb li qatt mhux se jinsa, “niġri fl-għalqa, nipprova nara kif se niftaħ il-bieba tal-karozza, bil-ħorn tal-karozza jdoqq bla waqfien, inwerżaq lejn iż-żewġ pulizija biex jużaw l-uniku fire extinguisher li ġabu magħhom. Skantaw lejja. Qaluli li m’hemm xejn x’jistgħu jagħmlu.”

Stqarr li dak il-ħin ħares ‘l isfel u ra partijiet mill-ġisem ta’ ommu mifruxa madwaru. Irrealizza li l-pulizija kellhom raġun u li ma kienx hemm tama.

“Ommi mejta minħabba l-inkompetenzi tagħkom”

Iben il-ġurnalista rrakkonta kif il-pulizija staqsewh min hemm fil-karozza u qalilhom li ommu. “Ommi mejta minħabba l-inkompetenzi tagħkom”.

Iddeskriva l-qtil ta’ ommu, bħala wieħed ‘il bogħod mill-ordinarju.

Stqarr li ‘traġiku’ huwa meta xi ħadd jittajjar minn karozza tal-linja, u li hija gwerra meta jinxtered id-demm u ħġejjeġ tan-nar.

Matthew Caruana Galizia kiteb li ommu kienet assassinata għax kienet fin-nofs bejn dawk li ppruvaw jiksru s-Saltna tal-Liġi (l-Istat tad-Dritt) u l-liġi nnifisha.

“Istituzzjonijiet inkapaċitati”

Irrimarka li ommu kienet fil-mira, għax kienet l-unika persuna li qed tagħmel dan. Iddeskriva l-istituzzjonijiet tal-pajjiż bħala inkapaċitati.

Caruana Galizia rrefera wkoll għall-istqarrija li għamel il-Prim Ministru fil-Parlament. Sejjaħlu buffu li qatta’ 10 snin jiddemonizza u jippersegwita lil ommu.

Semma kif waqt li Joseph Muscat kien qed jindirizza s-sedja, wieħed mis-surġenti tal-Pulizija li suppost qed jinvestiga l-qtil, Ramon Mifsud, kiteb fuq Facebook, li jinsab kuntent, li fl-aħħar tasal ta’ kulħadd, u għajjar lil ommu ‘demel’.

“Tispiċċa mtertaq f’elf biċċa jekk teżerċita l-libertajiet tiegħek”

Iben DCG qal li ninsabu fi stat mafjuż, li fih tista’ tibdel il-ġeneru fuq il-karta tal-identità, imma li tispiċċa mtertaq f’elf biċċa jekk teżerċita l-libertajiet tiegħek.

“Kultura ta’ immunità tħallliet tiffjorixxi mill-Gvern Malti. Mhux daqstant ta’ komfort għall-Prim Ministru ta’ dan il-pajjiż li jgħid li jistrieħ sakemm jinsabu l-qattiela, meta hu stess imexxi gvern li inkoraġġixxa l-istess immunità”, kompla jgħid.

Stqarr li kieku l-istituzzjonijiet qed jaħdmu kif suppost, ma jkunx hemm assassinju li jrid jiġi investigat – u kieku hu u ħutu baqgħalhom omm.