Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Assassinju DCG: L-eks Kummissarju Rizzo jistaqsi dwar l-irwol taċ-ċavetta tal-karozza

Yendrick  Cioffi  -  20/10/17 04:36 PM

L-eks-Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo qal li ċ-ċavetta tal-karozza, li kienet qed tuża Daphne Caruana Galizia, tista’ tkun waħda mill-oġġetti kruċjali fl-investigazzjoni dwar l-assassinju ta’ nhar it-Tnejn li għadda.

Waqt il-programm Follow-Up fuq RTK, John Rizzo fakkar li l-vettura li kienet qed issuq Caruana Galizia kienet tal-kiri u allura wieħed irid jistaqsi min aktar seta’ kellu ċ-ċavetta tal-vettura.

Apparti minn hekk, semma l-fatt li jista’ jkun il-każ, li t-tip ta’ karozza li kienet qed issuq il-ġurnalista, tinfetaħ malajr bi ċwievet oħra komuni.

"Dubjuż kemm il-bomba kienet ilha fil-karozza"

John Rizzo wera wkoll id-dubji tiegħu dwar kummenti li l-bomba setgħet kienet ilha fil-karozza għal ħafna ħin, saħansitra jiem.

Għal kuntrarju, l-eks Kummissarju tal-Pulizija qal li hu tal-opinjoni li l-bomba ma tantx kienet ilha hemm u għalhekk importanti li l-investigaturi jaraw fejn kienet il-ġurnalista fl-aħħar sigħat qabel l-assassinju.

"X'aktarx kien hemm min qed jara kollox iseħħ"

John Rizzo qal dan meta kien qed jitkellem dwar kemm huma kruċjali l-ewwel 48 siegħa tal-investigazzjoni.

Dwar il-bomba, għalkemm qal li ftit li xejn jibqa’ minnha, l-impatt tagħha jagħti ħafna dettalji dwar it-tip ta’ splussiv li ntuża.

Semma l-indikazzjonijiet li l-bomba setgħet kienet attivata b’mowbajl u spjega li dan ifisser li kien hemm xi ħadd qed jara lil Caruana Galizia.

Għalhekk, tkellem dwar l-importanza li jkunu analizzati kameras tas-sigurtà fil-madwar u mhux dawk fuq il-post tad-delitt biss. Apparti minn hekk qal li n-nies li joqogħdu fl-inħawi jistgħu jkunu kruċjali għax setgħu raw xi moviment jew xi persuni li mhux normali jarawhom hemm.

"Ħafna investigaturi differenti jistgħu jxekklu lil xulxin"

Rizzo deher ukoll xettiku dwar il-fatt li l-Pulizija qed tkun mgħejjuna mil-FBI u anke investigaturi Olandiżi.

Spjega li filwaqt li hu tajjeb li jkun hemm investigazzjoni konġunta, il-fatt li hemm iżjed minn tim barrani wieħed jista’ jfixkel xi ftit il-proċess.

Fi kliem Rizzo, meta jkollok skejjel differenti ta’ investigaturi, jista’ jagħti l-każ li jkun hemm wisq ideat u dawn jistgħu jtellfu l-investigazzjoni.

X'qalu l-mistiedna l-oħra?

Preżenti għall-programm kien hemm ukoll l-opinjonista Desmond Zammit Marmara li qal li f’dan l-istadju wieħed ma jistax jaqta’ linja u jgħid li dan kien qtil politiku għax, fi kliemu, jista’ jkun hemm il-kriminalità organizzata involuta fiha.

Min-naħa tiegħu Dr Joseph Ellis qal li dwar dan l-assassinju hemm bżonn li xi ħadd jerfa’ r-responsabbilità. Sostna li huwa żball li l-assassinju ta’ Caruana Galizia jitqabbel ma’ karozzi bomba oħra li seħħew fl-aħħar xhur.

Qal ukoll li protezzjoni ma jfissirx li l-ġurnalista jkollha skorta magħha. Saħaq li l-Pulizija għandu jkollha l-intelligence tagħha u bħala eżempju semma l-Pulizija Franċiża li fl-aħħar 10 xhur sfrattat 14-il attentat terroristiku.