Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Assassinju DCG: Espert b’kummenti iebsa dwar ħasil ta’ flus f’Malta

Josianne  Camilleri  -  21/10/17 01:05 PM

Jonathan Benton, l-eks-kap tal-unit dwar il-korruzzjoni internazzjonali tal-Aġenzija kontra l-Kriminalità kien iebes fi kliemu meta qal li fl-aħħar għaxar snin, Malta saret fost il-ftit pajjiżi Ewropej li qed jispikkaw għal livelli għolja ta’ tixħim u ħasil ta’ flus minn attivitajiet illegali.

Żied jgħid li l-Gvern Ingliż għandu jikkunsidra r-relazzjonijiet politiċi ma’ Malta minħabba l-korruzzjoni.

Newsbook.com.mt tkellem ukoll ma’ espert Malti fil-qasam finanzjarju. Huwa qalilna li mill-esperjenza tiegħu dak li qal Benton mhux esaġerat anzi jidher li hu veru.

Benton kien qed jieħu sehem f’diskussjoni fuq programm tar-radju tal-BBC li dddiskuta l-assasinju tal-ġurnaista Daphne Caruana Galizia u fid-dawl tal-assassinju tagħha l-effett li tħalli l-korruzzjoni f’Malta fuq il-bqija tal-Ewropa, u x’għandu jagħmel ir-Renju Unit fir-relazzjonijiet tiegħu ma’ Malta.

Benton issuġġerixxa li l-FBI barra minn nies tekniċi li jagħtu parir dwar l-assassinju għandha tibgħat nies mit-taqsima kontra l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus biex jinvestigaw x’qed isir f’dan ir-rigward.

L-eks-kap tal-unit dwar il-korruzzjoni internazzjonali tal-Aġenzija kontra l-Kriminalità semma l-esperjenza tiegħu ta’ investigazzjoni ta’ każ fejn mal-€100 miljun minn dħul illeċitu għaddew mill-banek Maltin sakemm spiċċaw fis-sistema finanzjarja Ingliża biex isir ħasil ta’ flus.

Huwa qal li meta tqis l-ammonti ta’ flus li jgħaddu mis-sistema bankarja ma jistax ikun li f’Malta erba’ persuni biss f’sena instabu ħatja ta’ ħasil ta’ flus.  Skont Benton pajjiżna għandu problema serja li qed tikber. Jgħid li ma jistax ikun hemm mijiet ta’ miljuni ta’ ewro għaddejjin mill-pajjiż mingħajr ma l-korruzzjoni tilħaq kull livell.

L-eks investigatur jgħid li s-sena li għaddiet, Malta kienet fil-565 post fil-livell ta’ suspett fis-sistemi u proċessi bankarji u li l-pajjiż għandu problema kbira.

Jikkonkludi li abbażi tal-provi, faċilment tasal għall-konklużjoni li f’Malta ma hemmx fiduċja fl-istat tad-dritt jew l-anqas li l-istat huwa mmexxi tajjeb.