Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Assassinju DCG: Lejn xiex qed iħarsu l-investigaturi?

Yendrick  Cioffi  -  22/10/17 12:24 PM

Kważi ġimgħa wara mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, li ħasad mhux lil Malta imma anke lid-dinja, qed ikomplu l-investigazzjonijiet biex ikun magħruf x’ġara eżatt u min seta’ kien il-moħħ wara dan.

Kif ġie żvelat ilbieraħ, investigaturi Taljani kontra l-mafja jinsabu Malta u qed jgħinu wkoll lill-Pulizija Maltija fl-investigazzjonijiet tagħhom.

Skont The Sunday Times of Malta, kriminalità organizzata bejn Malta, l-Italja u l-Libja jista’ jkollha xi rabta ma’ dan l-assassinju u għalhekk qed tkun ikkunsidrata investigazzjoni iżjed fil-fond dwar dan.

L-aħħar arresti li saru mill-Guardia di Finanza, dwar traffikar taż-żejt mil-Libja u li fiha hemm involuti żewġ Maltin, hija waħda biss mill-indikazzjonijiet li l-investigaturi qed jistudjaw.

Dwar dan, The Malta Independent on Sunday tgħid li skont sorti infurmati sewwa, l-assassinju jista’ jkun li ġie kkummissjonat minn xi ħadd f’Malta stess, iżda li għandu rabta ma’ kriminalità organizzata internazzjonali.

Iżda, l-istess sorsi jisħqu li f’dan l-istadju l-possibilitajiet kollha għadhom miftuħa.

Qed ikunu investigati wkoll rabtiet li jista’ jkun hemm bejn dan il-każ u l-ħames karozzi bomba oħra li saru mill-2016 ‘l hawn u li skont l-investigazzjonijiet, kollha ġew attivati b’mowbajl.

Min-naħa tagħha, il-MaltaToday tgħid li l-Pulizija mhu qed tieħu l-ebda ċans u qed tagħmel lista tas-suspettati kollha, b’attenzjoni partikolari fuq dawk li kienu fil-mira tal-artikli ta’ Caruana Galizia marbuta mad-droga, il-prostituzzjoni u t-traffikar tal-fuel.

Jidher ukoll li qed issir investigazzjoni viċin il-Victoria Lines  minn fejn il-qattiel jew il-qattiela setgħu kienu qed jaraw kollox.

Mill-esperjenza tiegħu, jitkellem ukoll l-Eks-Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo li ma’ The Sunday Times of Malta qal li min qatel lil Daphne Caruana Galizia kien attent li ma jweġġa’ lil ħadd iżjed iżda determinat li joqtol lilha.

Il-Kullħadd tiffoka l-attenzjoni tagħha fuq il-fatt li t-Taljani qed jibqgħu jorbtu lil Daphne Caruana Galizia mal-każ ta’ traffikar taż-żejt, filwaqt li l-Mument tikkwota iżjed reazzjonijiet “qawwija u ħarxa” ta’ politiċi internazzjonali u midja barranija. 


Ritratt: Ian Noel Pace