Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Il-Kummissarju tal-Pulizija ntgħażel għax mhux kapaċi – Adrian Delia

Christoph  Schwaiger  -  22/10/17 11:26 AM

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista (PN) Adrian Delia qal li l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar ntgħażel mill-Gvern minħabba dak li hu u l-inkapaċità tiegħu.

Waqt intervista dalgħodu fuq Radio 101, Delia fakkar kif inbidlu ħames kummissarji sakemm il-Gvern sab lil Cutajar. Qal li l-intenzjoni kienet li jitqiegħed xi ħadd mingħajr integrità, biex ikun oġġett politiku f’idejn il-Gvern.

Dwar il-Korp tal-Pulizija, Delia saħaq li dan qiegħed jagħti l-konfort lill-kriminali minflok liċ-ċittadini. Qal li wara li wieħed jara l-konferenza tal-aħbarijiet li mexxa Cutajar, jaqbdu t-tkexkix.

“Meta tinqatel ġurnalista hija xi ħaġa estrema” - Delia

Adrian Delia qal li l-istituzzjonijiet, il-valuri, u s-sisien tal-pajjiż tnawru. Saħaq li l-fatt li tmut persuna hija diġà xi ħaġa traġika, iżda meta tinqatel ġurnalista hija xi ħaġa estrema u tal-biża’. Sejjaħ l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia bħala assalt fuq il-libertà tal-kelma. 

Delia spjega li fil-passat kien hemm żminijiet fejn wieħed ma setax imur bil-gazzetta tal-PN ix-xogħol u saħansitra l-partit ma setax ikollu mezzi tax-xandir tiegħu. Qal li llum Malta waslet f’estrem ieħor, fejn miżura ta’ qtil ittieħdet kontra persuna li tkellmet.

Il-Kap tal-PN reġa’ staqsa għaliex il-Prim Ministru Joseph Muscat ma jridx li l-mexxejja tal-istituzzjonijiet jintgħażlu minn żewġ terzi tal-Parlament. Reġa’ saħaq li l-PM irid jerfa’ r-responsabiltà politika għal dak li ġara, minkejja li bi kliemu u bl-aġir tiegħu wera li ma jridx jerfagħha.

Il-miljun ewro kien messhom intefqu fis-sigurtà –Delia

Dwar il-fond ta’ miljun ewro għal min għandu informazzjoni dwar l-assassinju ta’ Daphne, Delia jemmen li l-flus kien messhom intefqu fis-sigurtà tagħha mill-ewwel.

Delia qal li kien staqsa jekk kenux ittieħdu miżuri biex il-Pulizija tagħlaq il-portijiet u l-ajruporti, biex ħadd minn dawk involuti fl-assassinju ma jaħarbu mill-pajjiż. Qal li t-tweġiba għal din il-mistoqsija għadu ma rċevihiex.

Jekk xi ħadd jikkritika lill-Gvern, dan qed jagħlaqlu ħalqu - Delia

Dwar l-aħbar li s-Senatur Taljan u membru tal-Kummissjoni Anti-Mafia Mario Giarruso ġie ddikjarat mill-Gvern Malti bħala ‘persona non grata’, Delia qal li jekk din l-aħbar tirrifletti l-verità,  il-Gvern qed jgħid mod u jagħmel ieħor. Skont Delia, allura jekk xi ħadd jikkritika lill-Gvern, dan qed jagħlaqlu ħalqu.

Delia stqarr li huwa mument verament tal-biża’ li f’perjodu li l-lenti tad-dinja kollha jinsabu fuq Malta, il-Gvern imur kontra l-libertà tal-espressjoni u bl-aġir tiegħu jiddikjara li huwa kontra dawk li ma jkunux qed ifaħħruh.