Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

​Is-Senatur Giarruso qed jivvinta – Il-Gvern

Christoph  Schwaiger  -  22/10/17 02:26 PM

Il-Gvern ta’ Malta qed isejjaħ “invenzjoni” id-dikjarazzjoni tas-Senatur tal-Movimento 5 Stelle, Mario Michele Giarruso li qal li l-Gvern talbu ma jiġix Malta biex iwettaq xogħlu.

Fi stqarrija, il-Gvern ċaħad kategorikament li saret din it-talba biex Giarruso ma jiġix bħala parti minn delegazzjoni Parlamentari Taljana mmexxija miċ-Ċerpersin tal-Kummissjoni Kontra l-Mafja fil-Parlament Taljan, Rosy Bindi.

Il-Gvern stqarr li permezz tal-Ambaxxatur Malti f’Ruma, diġà għamel kuntatt ma’ Bindi biex jitlob spjegazzjoni “ta’ din l-invenzjoni ta’ Mario Michele Giarrusso.” Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin wassal l-istess messaġġ anke lill-Ambaxxatur Taljan f’Malta.

Il-Gvern temm jgħid li kemm Bindi kif ukoll l-Ambaxxatur Taljan f’Malta kkonfermaw il-verżjoni tal-Gvern Malti li qatt ma ġie kkonsultat jew esprima ruħu, la formalment u lanqas informalment, fuq l-ebda wieħed mill-membri ta’ din id-delegazzjoni, li ż-żjara tagħhom ilha skedata minn qabel din il-ġimgħa.

F’intervisti mal-midja lokali, Giarruso kien qal li l-Gvern Malti talbu biex hu ma jiġix u li ġie ddikjarat bħala ‘persona non-grata’.

Aktar kmieni dalgħodu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li jekk din l-aħbar tirrifletti l-verità, il-Gvern qed jgħid mod u jagħmel ieħor. Skont Delia, allura jekk xi ħadd jikkritika lill-Gvern, dan qed jagħlaqlu ħalqu.

Il-Gvern iċċirkola wkoll stqarrija mill-Kummissjoni Parlamentari Taljana li tgħid li l-kummenti li Giarruso ta lill-midja ma kinux koretti u li dan lanqas biss kien mistenni li jkun parti mid-delegazzjoni.

Tista' tara l-ittra sħiħa hawn: