Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Pulizija inkwetati bl-impressjoni li mhumiex kapaċi jinvestigaw

Yendrick  Cioffi  -  22/10/17 02:54 PM

Sorsi viċin il-Korp tal-Pulizija qalu ma’ Newsbook.com.mt li jħossuhom inkwetati li qed tingħata l-impressjoni li l-Pulizija ta’ Malta mhix kapaċi jinvestigaw u jsolvu każ bħalma huwa l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Minkejja dan, l-istess sorsi qalu li ma jinkwetahomx il-fatt li ntalbet l-għajnuna tal-esperti barranin u li huwa komuni ħafna li permezz tal-Europol, ikun hemm skambju ta’ tagħrif, esperjenzi u kompetenzi.

Madanakollu jdejjaqhom biss il-fatt li ħafna qed jispiċċaw iħarsu lejn il-Korp tal-Pulizija bħala wieħed “fqir” fejn jidħol it-tagħrif u t-taħriġ.

Staqsew ukoll għaliex wara sensiela ta’ attakki simili, kien hemm bżonn dan il-każ biex jittieħdu ċertu miżuri.

“Xi drabi għadna ninvestigaw b’metodi primittivi.”

Kien il-Prim Ministru Joseph Muscat li nhar it-Tnejn li għadda qal li talab lill-awtoritajiet Maltin biex jitolbu l-għajnuna ta’ esperti barranin.

Iżjed tard, waqt l-istqarrija tiegħu fil-Parlament, ħabbar li talab l-għajnuna tal-Federal Bureau of Investigation (FBI) tal-Istati Uniti.

Dawn, flimkien ma’ esperti oħra, qed jinvestigaw taħt it-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija.

Fil-jiem li għaddew, waqt il-programm Follow Up fuq RTK, l-Eks Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo deher xettiku dwar l-għajnuna mill-FBI u l-investigaturi Olandiżi. Spjega li waqt li hu tajjeb li jkun hemm sforz konġunt, iktar minn tim barrani wieħed, jista’ jfixkel il-proċess.

Fi kliem Rizzo, meta jkollok skejjel differenti ta’ investigaturi, jista’ jagħti l-każ li jkun hemm wisq ideat u dawn jistgħu jtellfu l-investigazzjoni.

Iż-żewġ unjins li jirrappreżentaw il-pulizija, il-Police Officers’ Union (POU) u l-Malta Police Association (MPA) ma xtaqux iwieġbu l-mistoqsijiet tagħna dwar dan it-tħassib.