Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Filmat: “Ejjew ma nibżgħux, imma nibżgħu għal xulxin” – L-Arċisqof

Charmaine  Attard   -  23/10/17 02:56 PM

L-Arċisqof Charles Scicluna appella biex dak li ġara bħal-lum ġimgħa f’dawn il-ħinijiet, m’għandux ibeżżagħna imma jħeġġiġna biex nibżgħu għal xulxin.

Fl-Omelija, waqt il-Quddiesa li saret f’għeluq il-ġimgħa tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Mons. Scicluna qal li min qatel “ried ibeżżagħna u jitterrorizzana”.  Saħaq li ma nafux min hu, imma Alla jaf.

“Il-ħniena u l-ġustizzja għal Daphne, u għal min qatilha” – L-Arċisqof

Jistaqsi jekk jistax jorqod b’kuxjenza safja, dak li mela l-qlub bin-niket u lill-familja tal-ġurnalista ħadilha omm, mart u bint.

L-Arċisqof stqarr li lill-pajjiż, il-qattiel ċaħħdu minn ġurnalista, imma saħaq li għandha ssir ħniena u ġustizzja mhux biss għal Daphne imma anke għal min qatilha.

Fisser kif l-għerq ta’ dan il-biża’ għal xulxin, huwa l-protezzjoni, is-solidarjetà u l-imħabba lejn xulxin.

“Bżonn li naħdmu għall-ġid komuni u mhux għall-interessi personali”

Enfasizza li hemm bżonn li tinħoloq kultura, li min jaħdem fis-soċjetà, jaħdem għall-ġid komuni u mhux għall-interessi personali tiegħu.  Saħaq li jekk “naħdmu għall-ġid komuni, ma nibżgħux, imma nibżgħu għal xulxin”.

“Il-kultura li tagħmilna nies”

Mons. Charles Scicluna tenna li “fejn hemm il-vjolenza għandna naħdmu għall-paċi, fejn hemm il-mibegħda naħdmu għall-imħabba, fejn hemm l-inġustizzja, nistinkaw biex issir ġustizzja, fejn hemm il-biża’ naħdmu għal kuraġġ u fejn hemm il-firda naħdmu għall-għaqda”.

Saħaq li “din hija l-kultura tal-ħajja – il-kultura li tagħmilna nies”.

L-Arċisqof insista li fil-pajjiż għandu jkun hawn kultura tas-sewwa, tal-vera solidarjetà u onestà. 

"Il-post li għażlet li tgħix fih sar ukoll il-post tal-mewt tagħha"

Fil-bidu tal-quddiesa, l-Arċisqof irrimarka kif il-post fejn għażlet li tgħix Daphne Caruana Galizia, sar ukoll il-post tal-mewt tagħha.

Preżenti persuni distinti u anke membri mill-Kummissjoni Kontra l-Mafja

Il-quddiesa qed issir fil-Kappella tal-Bidnija ddedikata lill-Familja Mqaddsa. Minbarra persuni bilqiegħda fuq is-siġġijiet fuq iz-zuntier, hemm mijiet oħra bilwieqfa kemm fuq iz-zuntier kif ukoll fil-pjazza. Persuni kienu qed isegwu wkoll il-quddiesa mill-gallariji tad-djar tagħhom.  

Preżenti kien hemm ukoll membri mill-Kummissjoni Taljana ta' Kontra l-Mafja, fosthom iċ-Ċerpersin tal-Kummissjoni Rosy Bindi. 

Attendew ukoll persuni distinti fosthom Dolores Cristina, l-Eks President Eddie Fenech Adami, l-Eks Prim Ministru Lawrence Gonzi, l-Eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u bosta membri parlamentari. 

Id-data tal-funeral ta' DCG għadha ma tħabbritx. Il-katavru tagħha għadu ma ġiex rilaxxat. 

Ritratt: Ian Noel Pace