Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

“Fittxu l-verità mingħajr biża’ u esprimuha bil-kuraġġ” – L-Arċisqof

Michela Catania  -  10/11/17 06:00 PM

L-Arċisqof Charles Scicluna appella lill-gradwati l-ġodda tal-Università ta’ Malta, b’mod partikolari dawk li tħarrġu fil-ġurnaliżmu, biex meta jidħlu fid-dinja tax-xogħol jieħdu xogħolhom bis-serjetà, u jibqgħu sa tmiem il-karriera tagħhom ifittxu l-verità mingħajr biża’ filwaqt li jesprimuha bil-kuraġġ.

Waqt quddiesa ta’ ringrazzjament fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, l-Arċisqof appella lill-gradwati biex jibqgħu jsaħħu l-ħiliet kritiċi li kisbu fil-ħajja universitarja tagħhom, li skontu għandhom jgħinuhom jgħarblu kull sitwazzjoni li jsibu ruħhom fiha jew li l-pajjiż ikun fiha, sabiex l-għażliet li jagħmlu ikunu għall-ġid komuni.

Avżahom ukoll li jekk jibqgħu jittieħdu deċiżjonijiet fl-interess ta’ individwi partikolari biss, is-soċjetà kollha se titkisser.

L-Arċisqof kompla jisħaq fuq dan il-messaġġ hekk kif qal lill-gradwati li s-suċċess tagħhom m’għandux jitkejjel minn kemm jaqilgħu flus, iżda fuq kemm jirnexxielhom jagħmlu ġid f’ħajjet il-bqija tal-membri tas-soċjetà.

L-Arċisqof temm jawgura lill-gradwati għall-kapitlu l-ġdid li se jibdew f’ħajjithom, filwaqt li rringrazzja lill-ġenituri u l-qraba tal-istudenti kif ukoll lir-Rettur, Pro-letturi u professuri tal-Università li lkoll appoġġjaw lill-istudenti f’ħidmiethom u għenuhom isiru persuni iktar kritiċi li, reġa’ saħaq, hija kwalità essenzjali għall-pajjiż.