Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

​Diversi drittijiet għall-persuni mingħajr stat – Michael Farrugia

Christoph  Schwaiger  -  10/11/17 09:13 PM

Il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia qal li Malta tagħti diversi drittijiet lill-persuni apolidi.

Skont il-Kummissjoni Għolja tal-Ġnus Magħquda għar-Refuġjati, persuni apolidi huma dawk l-individwi li mhumiex ikkonsidrati bħala ċittadini taħt il-liġi ta’ xi pajjiż

Farrugia qal dan waqt id-diskors tiegħu fl-FP-AP Statelessness Seminar. Huwa kien qed jispjega li Malta toffri drittijiet marbutin mal-impjieg, dokumenti tal-ivjaġġar, benefiċċji, u l-libertà tal-assoċċjazzjoni lil persuni mingħajr stat.

Skont Farrugia, minkejja li Malta ma ffirmatx il-Konvenzjonijiet tal-Apolidija tal-1954 u tal-1961 xorta hemm miżuri fis-seħħ li huma ekwivalenti għal dawk li dwarhom jitrattaw il-Konvenzjonijiet. Farrugia saħaq li n-numru ta’ persuni mingħajr stat huwa żgħir meta mqabbel man-numru totali ta’ migranti f’Malta. Żied jgħid li minkejja dan, Malta dejjem tat importanza lis-sitwazzjoni tagħhom.  

Waqt id-diskors tiegħu, il-Ministru qal li l-Gvern qed jistudja r-rekwiżiti tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda f’kuntrast mal-liġijiet lokali.

Farrugia qal li l-Konvenzjoni ma tispeċifikax mekkaniżmu li għandu jintuża u qal li hija sfida biex isir mekkaniżmu.

Il-Ministru għall-Intern temm jgħid li meta l-istudju jitlesta, dan għandu jgħin biex tittieħed deċiżjoni dwar ir-ratifikazzjoni tal-Konvenzjonijiet relevanti. Farrugia saħaq li sadanittant, Malta se tkompli ssegwi l-obbligi internazzjonali tagħha.

Ritratt: DOI - Clifton Fenech