Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Malta: Is-7 l-iktar pajjiż b'qalbu tajba

Michela Catania  -  10/11/17 01:46 PM

Malta hija s-7 l-iktar pajjiż b'qalbu tajba. Dan ħareġ minn studju ta' 163 pajjiż.

Fost l-affarijiet li ġew studjati insibu l-għadd ta' għotjiet lill-karità u l-ammont ta’ refuġjati li ġew milqugħa fil-pajjiż.

L-indiċi The Good Country,kif inhu magħruf l-istudju, jkejjel il-kontribuzzjoni li pajjiż partikolari jagħti lill-bqija tad-dinja.

L-indiċi jkejjel ukoll il-kontribuzzjoni tal-pajjiż f’ sitt kategoriji oħra, li huma x-Xjenza u t-Teknoloġija, il-Kultura, il-Paċi u s-Sigurtà Internazzjonali, il-Pjaneta u l-Klima, il-Prosperità u l-Ugwaljanza kif ukoll is-Saħħa u l-Benessri tal-Bniedem.  

Malta marret tajjeb ukoll fil-kategoriji tal-kultura, fejn ġiet id-9 post, iżda waqgħet lura fil-kategoriji tal-klima u tal-prosperità fejn ġiet fis-27 u t-38 post rispettivament. 

Malta mbagħad kellha post iktar 'l isfel fl-indiċi fejn tidħol is-saħħa (60 post) u fil-kategorija tax-xjenza u t-teknoloġija (63 post).

Skont l-indiċi, Malta għad baqgħalha x’taqdef l-iktar fil-kategorija tas-sigurtà u l-paċi internazzjonali, hekk kif in-nuqqas ta’ azzjoni li ħadet f’oqsma bħas-sigurtà fuq l-internet u fiż-żamma tal-paċi internazzjonali poġġieha fil-129 post.     

B’kollox, Malta ġiet fis-27 post mill-163 li ġew studjati.

L-għan ta’ dan l-indiċi huwa li joħloq kuxjenza fost il-mexxejja tal-pajjiżi parteċipanti dwar kif it-tmexxija tagħhom qed taffettwa lil pajjiżi oħra, u li turihom li għalhekk huma mhumiex biss responsabbli għaċ-ċittadini tal-pajjiż li jmexxu, iżda huma responsabbli għal kull persuna li timxi fuq wiċċ id-dinja.

Skont l-imħuħ wara dan il-proġett, The Good Country (jew il-pajjiż it-tajjeb) huwa pajjiż li jikkontribwixxi lill-ġid tal-umanità billi jaħadem fl-interess taċ-ċittadini tiegħu waqt li jżomm f’moħħu l-interessi taċ-ċittadini ta’ pajjiżi oħrajn ukoll.