Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Tencent tinvesti fi Snapchat

10/11/17 06:57 AM

Tencent tinvesti fi Snapchat

Il-kumpanija proprjetarja ta’ Snapchat kkonfermat li l-kumpanija Ċiniża Tencent akkwistat 145 miljun ishma tagħha, għal valur ta’ kważi 10% tal-kumpanija. Tencent, li għandha l-pjattaforma popolari taċ-chatting WeChat, hija waħda mill-akbar stejjer teknoloġiċi ta’ success fiċ-Ċina.

Min-naħa tagħha, Snap, li saret kumpanija pubblika tmien xhur ilu, għadha taffronta numru ta’ diffikultajiet, primarjament id-diffikultà li tbiegħ aktar reklamar fuq is-servizz, kif ukoll żieda limitat fl-utenti. Fit-tielet kwart tas-sena Snapchat żiedet biss 4.5miljun utent attiv kuljum, biex issa għandha udjenza ta’ 178 miljun. WeChat għandha madwar biljun utent attiv. Fil-preżent, l-ishma ta’ Snap jinsabu madwar 50% inqas mil-livell massimu milħuq f’Marzu li għadda.

Din mhix l-ewwel investiment fil-Puntent għal Tencent, li aktar kmieni din is-sena investiet 1.8 biljun dollaru għal 5% proprjetà f’Tesla, filwaqt li s-sena li għadiet akkwistat il-kumpanija Finlandiża Supercell, kumpanija li tipproduċi logħob popolari fuq il-mobile bħal Clash u Clans u Clash Royale.

Snapchat qed tittama li permezz ta’ qsim ta’ ideat u riżorsi u l-esperjenza miksuba minn Tencent fis-suq, tkun tista’ ssaħħaħ il-prodott tagħha u tidentifika mezzi biex dan ikompli jikber filwaqt li ssarraf is-suċċess tiegħu fi qligħ tanġibbli li jissodisfa l-investituri.

Żieda fis-self internazzjonali liċ-Ċiniżi

Is-self liċ-Ċina mill-banek internazzjonali laħaq livell rekord fl-ewwel nofs tal-2017 hekk kif kundizzjonijiet ta’ self iktar iebsin fiċ-Ċina, frott bidliet regolatorji mill-awtoritajiet Ċiniżi fis-settur finanzjarju, qed iwasslu lil kumpaniji kbar biex jissellfu minn barra l-pajjiż. Min-naħa tagħhom dawn il-banek jiċċarġjaw rati tal-imgħax ogħla lil kumpaniji Ċiniżi u b’hekk igawdu l-profitti tagħhom.

Madakollu, l-espożizzjoni qawwija għaċ-Ċina fiha r-riskji tagħha, hekk kif ekonomisti jwissu li ż-żieda enormi fis-self tista’ twassal biex ifallu numru ta’ kumpaniji.  Anke l-kumpanija ta’ credit rating Fitch, wissiet dwar il-ħtieġa ta’ kontrolli akbar fuq dan is-self li jista’ jżid ir-riskji għall-banek involuti.

Fost l-aktar pajjiżi attivi f’dan is-suq, l-espożizzjoni ta’ Ħong Kong għaċ-Ċina laħqet kważi 1.89 triljun dollaru, minn 1.67 triljun sitt xhur biss qabel.  Dan l-ammont jinkludi biss self ta’ banek ta’ Ħong Kong lill-kumpaniji Ċiniża u mhux minn sussidjarji ta’ banek barranin li joperaw minn hemmhekk.

Banek internazzjonali oħra bħal HSBC u Standard Chartered qed jiddependu fuq l-Ażja biex jimbuttaw it-tkabbir tan-negozju tagħhom, hekk kif il-profitti fis-swieq żviluppati qed jistaġnaw.

Barra mis-self tradizzjonali bejn banek u kumpaniji, self bejn il-fruntieri bejn il-banek, inkluż bejn unitajiet onshore u offshore tal-istess kumpanija, saru popolari ħafna f’dan s-suq. Self bejn banek irrappreżentaw ftit anqas minn terz tas-self kollu li sar sal-ewwel nofs tal-2017.

Il-Ġermanja mħassba bil-politika tal-BĊE

Għal ħafna ekonomisti, l-ekonomija Ġermaniża hija eżempju ta’  min wieħed isegwi, bi tkabbir kostanti, inflazzjoni baxxa u ħolqien kontinwu ta’ postijiet tax-xogħol ġodda. Iżda, lanqas dak li jidher huwa tajjeb jidher ma jkun biżżejjed għal ċertu ekonomisti. Dan hekk kif it-tkabbir b’saħħtu tal-ekonomija Ġermaniża jista’ jwassal biex din, f’termini li jużaw l-esperti fis-settur “tisħon iżżejjed”, fattur li imbagħad iwassal għal għoli tal-ħajja sostanzjali.

Dan ħareġ f’rapport li ġie leaked mill-Bundesbank (il-Bank Ċentrali Ġermaniż) li hu mifhum li kien intiż li jimbotta t-tmiem tal-politika monetarja espansiva tal-Bank Ċentrali Ewropa.

Il-Ġermanja kritikat bis-saħħa il-programm tal-BĊE li jixtri l-bonds minn gvernijiet u kumpaniji Ewropej, introdott tliet snin ilu bl-għan li jnaqqas l-ispejjeż fuq is-self u jixpruna tkabbir ekonomiku b’mod partikolari fil-pajjiżi midjunin tan-nofsinhar tal-Ewropa. B’konsiderazzjoni li l-qgħad huwa fl-aktar livelli baxxi mis-Snin 90, iċ-ċirkostanzi ekonomiċi tal-Ġermanja huma differenti ferm minn dawk ta’ pajjiżi bħal Spanja u Italja, fattur li qed jitfa’ pressjoni fuq il-politika ta’ one size fits all tal-Bak Ċentrali Ewropew.

Filwaqt li l-BĊE ħabbar ix-xahar li għadda li kien se jaqta’ bin-nofs id-daqt tal-programm ta’ xiri ta’ bonds li kien ilaħħaq mat-2 triljun dollaru, il-Bundesbank hu mħasseb li mingħajr intervent biex l-pass tat-tkabbir ekonomiku ma jikbirx iktar, dan seta’ jwassal għal ċiklu perikoluż ta’ għoli tal-ħajja. Dan barra li r-rati ferm baxxi tal-imgħax qed jurtaw il-kunfidenza tal-konsumatur Ġermaniż li qed jara l-ħila tiegħu li jfaddal tkun limitata dejjem aktar u aktar.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net Tel. 21493250. Tista' tirċievi l-artiklu b'xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.