Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Intrapriżi Maltin jonfqu mal-€100 fix-xahar f’servizzi ta’ komunikazzjoni

Stefan  Pullicino  -  11/11/17 12:50 PM

L-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni l-MCA qalet li skont stħarriġ li kkummissjonat, il-parti l-kbira tal-intrapriżi lokali jonfqu mal-€100 fix-xahar f’servizzi ta’ komunikazzjoni u teknoloġija.

L-MCA qalet li 65% tal-abbonati għal servizzi ta’ komunikazzjoni bundled qalu li jonfqu inqas minn €100 fix-xahar għal dawn is-servizzi. Madankollu mat-30% tal-intrapriżi qalu li l-ispiża tagħhom għal dawn is-servizzi tvarja bejn il-€100 u l-€499 fix-xahar.

Mill-istħarriġ joħroġ li l-maġġoranza assoluta tagħhom huma kuntenti bis-servizzi diġitali u ta’ komunikazzjoni li jirċievu mill-operaturi lokali. Filwaqt li kważi l-intrapriżi kollha għandhom linja tat-telefon fissa u konnessjoni tal-internet broadband fuq il-post tax-xogħol, ħareġ li madwar 40% tal-intrapriżi joffru konnessjoni bil-mowbajl lill-uħud mill-impjegati tagħhom.

L-istess stħarriġ jindika li huma inqas minn 5% dawn l-intrapriżi li biddlu l-operatur tas-servizzi tal-komunikazzjoni tagħhom fl-aħħar sentejn. Għadd ta’ rappreżentanti qalu li jaraw il-proċess li jbiddlu l-operatur tal-komunikazzjoni tagħhom bħala proċess li se joħloqilhom inkonvenjent, u li jekk jaqilbu s-servizz, jista’ jkun li ma jkollhomx il-faċilitajiet eżistenti kollha li jgawdu minnhom mal-operatur preżenti tagħhom.

Iktar minn nofs l-intrapriżi intervistati f’dan l-istħarriġ, qalu li jagħmlu wkoll użu mis-servizzi ta’ mobile broadband, partikolarment fejn jidħlu servizzi ta’ chat u servizzi magħrfua bħala Over-the-Top-Services jew OTTs.

L-MCA qalet li mill-istħarriġ ħareġ ukoll li l-intrapriżi lokali jippreferu jixtru dawk li jissejħu bħala “bundles” ta’ servizzi elettroniċi, u li dan it-tip ta’ abbonament żdied bi 3% meta mqabbel mal-aħħar stħarriġ li sar tliet snin ilu.