Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

"Is-sistemi tas-saħħa għandhom jgħinu lill-pazjent jibqa' b'saħħtu" - Il-President

Yendrick  Cioffi  -  11/11/17 08:04 AM

Il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca qalet li s-sistemi tas-saħħa għandhom jiffukaw fuq kif se jgħinu persuni jiksbu s-saħħa u jibqgħu b’saħħithom, iżjed milli sempliċiment jimmaniġġjaw il-mard jew il-kundizzjonijiet.

Hija qalet dan fil-ftuħ tat-12-il kungress Mediterranju fuq il-Mediċina Fiżika u ta’ Rijabilitazzjoni organizzat mill-Assoċjazzjoni Maltija responsabbli minn dawn il-mediċini, b’kollaborazzjoni mal-Forum Mediterranju għall-Mediċina Fiżika u ta’ Rijabilitazzjoni.

Lil dawk preżenti, il-President fakkrithom li l-professjoni tagħhom għandha effett mhux biss fuq il-pazjent li jkun qed jirċievi l-kura, iżda anke fuq il-familji tagħhom u l-komunitajiet li fihom jgħixu.

Fakkret kif kundizzjonijiet li jwasslu għad-diżabilità għandhom effett devastanti fuq il-pazjenti u l-familji tagħhom u propju għalhekk li d-dijanjosi hija importanti għax tista’ tagħti lill-pazjent opportunità li jerġa’ jibda jgħix u jkun integrat lura fil-familja tiegħu u fil-komunità.

Kien għalhekk li l-President ħeġġet lill-professjonisti preżenti biex ikomplu jfittxu u jaraw kif isaħħu l-mediċina ta’ rijabilitazzjoni u jpoġġu dan is-settur fuq nett tal-agenda tal-pajjiżi biex l-awtoritajiet jipprovdu r-riżorsi kollha neċessarji biex din il-mediċina tissaħħaħ.

Temmet tfaħħar il-fatt li professjonisti minn diversi pajjiżi ġew flimkien biex jaqsmu l-esperjenza tagħhom ma’ xulxin u jipprovdu opportunità biex dan is-settur jibqa’ jikber u jissaħħaħ għall-ġid tal-pazjent u l-komunità.


Ritratti: OPR