Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

“Dawk b’mard mentali jistgħu japplikaw għaċ-ċittadinanza” – Farrugia Portelli

Stefan  Pullicino  -  14/11/17 09:54 PM

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u Ċittadinanza Julia Farrugia Portelli qalet li l-Gvern qed iressaq emendi fil-liġi sabiex persuni b’mard mentali jkunu jistgħu japplikaw għaċ-ċittadinanza Maltija.

Qalet li minkejja li din il-liġi tolqot għadd żgħir ta’ nies, xorta waħda tħoss li huwa pass importanti li jkompli jnaqqas id-diskriminazzjoni fil-konfront ta’ persuni b’diżabiltà, u jżid l-inklussività.

Meta tkellmet fil-Parlament illejla, Farrugia Portelli spjegat li din l-emenda mhi se ddaħħal l-ebda preġudizzju għall-kriterji l-oħra li huma stipulati fil-liġi. Spjegat kif dawk li jkollhom id-drittijiet ta’ kustodja bħall-ġenituri jew gwardjani legali, se jkollhom id-dritt japplikaw għaċ-ċittadinanza f’isem l-applikant.

Is-Segretarju Parlamentari ikkwotat ukoll konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda li tgħid li persuni bi problemi mentali għandu jkollhom il-libertà tal-moviment, u biex jagħmlu dan iridu jkunu jistgħu japplikaw għaċ-ċittadinanza.

"L-Oppożizzjoni se tivvota favur din il-liġi" - Beppe Fenech Adami

Għan-naħa tal-Oppożizzjoni, tkellem id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami li mill-ewwel qal li l-Oppożizzjoni se tkun qed tivvota favur din il-proposta tal-liġi għax tgħin lil dawk b’mard mentali.

Appella wkoll biex issir kawtela kbira meta bħala soċjetà se nibdew nikkunsidraw id-dritt ta’ rikreazzjoni billi tħalli persuni jieħdu droga ħafifa, bl-istess mod kif jiġi ppratikat xi sport.

Qal li din hija triq perikoluża fejn sostna li qed jitkellem ukoll bħala ġenitur.

Dwar il-persuni b’mard mentali, Beppe Fenech Adami staqsa għaliex ma baqgħetx prijorità għall-Gvern Laburista li jirranġa s-sitwazzjoni tal-Isptar Monte Carmeli.

Żied jgħid li dan ġara għax il-Ministru Konrad Mizzi li kien responsabbli għas-saħħa, kien iktar moħħu biex jiftaħ il-kontijiet tal-kumpanija tiegħu fil-Panama.

Tkellmu wkoll id-deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri u d-deputat Laburista Chris Agius Decelis.

Ritratt: Arkivji

 

Dalwaqt il-Fun Run! from NewsBook.com.mt on Vimeo.