Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

"Il-Ħadd li ġej il-pajjiż se jingħaqad fi ġlieda kontra l-obeżità" - il-President

Michela Catania  -  14/11/17 02:12 PM

Il-President Marie-Louise Coleiro Preca qalet li l-għan ta’ The President’s Solidarity Fun Run din is-sena se jkun li tippromwovi l-eżerċizzju u stil ta’ ħajja b’saħħitha fost il-Maltin u l-Għawdxin, hekk kif statistika maħruġa mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa wriet li r-rata ta’ obeżità fil-Gżejjer Maltin hija fost l-ogħla fl-Ewropa.

Għalhekk, waqt konferenza tal-aħbarijiet marbuta mal-attività b’risq il-Malta Community Chest Fund Foundation, il-President appellat lill-familji biex jattendu bi ħġarhom għall-mixja jew il-ġirja tal-Ħadd li ġej.

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Għarfien dwar id-Dijabete, il-President ma naqsitx milli tfakkar ukoll li l-attività fiżika hija essenzjali biex jiġu kkontrollati kundizzjonijiet tas-saħħa bħad-dijabete, li hija kundizzjoni komuni fil-pajjiż.

Il-President spjegat li dan għandu jkun motivazzjoni biex il-mixja u l-ġirja tal-Ħadd li ġej ikunu ta’ suċċess ikbar mis-soltu, fejn kulħadd juri l-impenn tiegħu li jbiddel l-istil ta’ ħajtu għall-aħjar.

Fl-istess ħin, hija sostniet li din hija opportunità oħra għall-pajjiż biex jingħaqad, minkejja d-differenzi, biex jagħmel att ta’ ġid għal ħaddieħor.

The President’s Solidarity Fun Run 2017 se ssir il-Ħadd li ġej mill-10am ’l quddiem.

Il-ġirja titlaq mir-Rabat hekk kif il-mixjiet jitilqu mill-Università ta’ Malta, minn Santa Venera, u minn Raħal Ġdid.

L-applikazzjonijiet miftuħa fuq is-sit www.mccf.store jew mill-Palazz ta’ Sant’ Anton, mill-uffiċini tal-Malta Community Chest Fund Foundation, il-Belt Valletta, mill-fergħat ta’ BNF Bank jew mill-punti tal-bejgħ tal-Maltco.