Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

“L-iktar terremot qerriedi tas-sena” jħalli 445 mejta u eluf midruba

Michela Catania  -  14/11/17 03:45 PM

Mill-inqas 445 persuna mietu filwaqt li iktar minn 7,000 ruħ indarbu wara li terremot ta’ qawwa 7.3 heżżeż ir-reġjun tal-fruntiera bejn l-Iran u l-Iraq il-Ħadd li għadda.

Dan ifisser li t-terremot kien l-iktar wieħed qerriedi u b’saħħtu li laqat id-dinja din is-sena.

Il-Gvern qed jagħmel l-almu tiegħu biex iwassal l-għajnuna lin-nies li qed jgħixu fil-postijiet li ntlaqtu l-iktar, fosthom il-provinċja Kermanshah, fejn inqerdu mijiet ta’ djar.

Waqt żjara li għamel lir-reġjun, il-President tal-Iran, Hassan Rouhani, qal li d-djar tal-Gvern kienu l-agħar li ntlaqtu, u għalhekk sostna li n-nies responsabbli għall-ippjanar u l-bini tagħhom se jbatu l-konsegwenzi għax-xogħol fqir tagħhom.

F’dawn l-aħħar jiem, it-temperaturi fir-reġjun kienu qed jaqgħu taħt iż-żero, u għalhekk it-tbatija tan-nies li spiċċaw bla saqaf fuq rashom jew ikel x’jieklu qed tiżdied.

Xi wħud kienu qed jaħarqu l-kaxxi tal-injam biex itaffu l-ksieħ, filwaqt li t-tfal żgħar jipprovaw jitgeddsu mal-ġenituri tagħhom biex jibqgħu sħan.

Filwaqt li l-awtoritajiet fl-Iran u l-Iraq nedew operazzjonijiet ta' salvataġġ biex ikomplu jfittxu nies maqbuda fit-tifrik, l-Iran iddikjara tlett ijiem ta’ luttu nazzjonali.