Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

​Filmat: Daphne mietet bi flusha ffriżati minn Chris Cardona

Christoph  Schwaiger  -  14/11/17 06:27 PM

Peter Caruana Galizia, l-armel tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, qal li martu mietet mingħajr aċċess għall-kont bankarju tagħha, wara li "l-Ministru Chris Cardona ffriżalha l-flus f'attentat biex jagħmel sarima ma' ħalqha darba għal dejjem".

Caruana Galizia tkellem waqt l-inawgurazzjoni tas-sala għall-midja fil-Parlament Ewropew, li ssemmiet għall-ġurnalista assassinata, ċerimonja ppreseduta mill-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani u li għaliha kien hemm preżenti wkoll il-familja ta' Daphne.

Peter Caruana Galizia qal li meta t-theddid legali spiċċa ineffettiv kontra martu, kien fadal biss soluzzjoni waħda, dik li jeħilsu minnha.

Spjega kif ix-xogħol investigattiv li wettqet Daphne wassalha biex tagħraf ir-rabta bejn il-kriminalità u l-politika f’Malta. Stqarr li ndunat kif il-liġijiet jiġu mgħawġa biex dawk li huwa b’saħħithom jiggwadanjaw.

Skont Peter Caruana Galizia, martu qatt ma saret ċinika però kienet titkexkex u żżid fil-frustrazzjoni tagħha. 

Qal li meta mietet, Daphne kienet qed taffaċċja 47 każ ta’ libell kontriha, b'36 minnhom li se jitkomplew.

Huwa faħħar lill-uliedu talli wrew l-istess saħħa u integrità li kienet turi ommhom.