Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Filmat: Daphne, Muscat u Malta fuq fomm l-MEPs

Charmaine  Attard   -  14/11/17 01:30 PM

Il-Parlament Ewropew, illum waranofsinhar iddibatta s-Saltna tad-Dritt (Rule of Law) f’Malta.

Id-dibattitu, li beda fit-3pm, sar wara l-assassinju brutali tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia.

Preżenti kien hemm membri tal-familja tal-ġurnalista. 

Segwi hawn taħt minuta b'minuta

04:28  Warajh temm id-dibattitu kif kif bdieh, il-Ministru Estonjan Matti Maasikas, li qal li sondaġġi juru li l-poplu Malti jafda fil-Gvern tiegħu, imbagħad indirizza lill-membri u qalilhom li l-UE donnha tinqala’ aktar biex tindirizza problemi bejn l-Istati Membri milli fl-Istati Membri. Madankollu għalaq billi qal li kull Stat Membru għandu jobdi s-saltna tad-dritt.

04:26 Jerġa’ jitkellem Frans Timmermans, il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea, li qal li jħossu ddispjaċut b’xi Ewroparlamentari li jridu jagħmluha ta’ mħallef u ġurati f’daqqa billi jippuntaw sebagħhom lejn min jemmnu li qatel lil Daphne Caruana Galizia. Talabhom biex iħallu lill-awtoritajiet jinvestigaw u jagħmlu xogħolhom bil-qawwa kollha. Irrefera għal bosta mistoqsijiet li tressqu fil-plenarja, u qal li l-Kummissjoni se tiflihom bir-reqqa. Hawnhekk aċċenna partikularment għad-diskors ta’ Giegold. Minkejja dan, qal li mhux sewwa li l-ewwel toħloq il-konklużjoni, imbagħad wara tipprova ssib il-provi għaliha. Żied ukoll li filwaqt li jinnota li hemm pajjiżi membri oħra li jbigħu ċ-ċittadinanza tagħhom, il-Kummissjoni se tippubblika rapport fuq l-imsemmija skemi. Temm jitlob mill-ġdid biex Malta tingħaqad mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, nuqqas li bosta Ewroparlamentari waqt id-dibattitu kkritikaw.

04:24 Paulo Rangel mill-PPE huwa l-aħħar kelliem għall-membri parlamentari, u qal li Malta messha tkun fuq ta’ quddiem fil-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, is-saltna tad-dritt u l-indipendenza ġudizzjarja. Temm jgħid li ħadd ma jista’ jinnega li hemm ħolqa sfiqa bejn il-Panama Papers u l-awtoritajiet Maltin, u fl-istess ħin ma sar xejn biex tiġi protetta l-ħajja tal-ġurnalista mit-theddid li kienet tirċievi.

04:22 Dariusz Rosati, li hu wkoll membru fil-Kumitat PANA, tkellem dwar it-tweġibiet xejn sodisfaċenti li ta lill-kumitat il-Ministru Konrad Mizzi, kif ukoll ir-rifjut min-naħa taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri. 

04:21 L-Ewroparlamentari Nazzjonalista Francis Zammit Dimech, qal li hi sitwazzjoni surreali meta għandek entità li tant maqdret xogħol il-ġurnalista meta kienet ħajja, u issa qed tgħid li trid tipproteġiha.

04:18 Min-naħa tagħha, Michaela Sojdrava mill-PPE rrimarkat li Daphne Caruana Galizia nqatlet għax kitbet dwar il-Panama Papers, u ddeskriviet l-istituzzjonijiet f’Malta bħala “dgħajfa”, filwaqt li appellat lill-Ewroparlamentari Laburisti biex jagħmlu pressjoni fuq il-Prim Ministru.

04:14 Fl-intervent tagħha Christel Schaldemose mill-S&D qalet li huwa odjuż li wieħed joqgħod iqabbel lil Malta mal-Ungerija jew il-Polonja. Żiedet tgħid li Malta aħjar mill-Ungerija jew il-Polonja, għax dawn lanqas talbu għajnuna lill-UE, bħalma għamlet Malta. Temmet tgħid li Malta trid tiddjaloga mal-UE.

04:12 Marc Tarabella, ukoll mill-S&D, elenka diversi fatturi dwar il-libertà tal-espressjoni f’Malta li qed iħassbuh, u talab lill-awtoritajiet Ewropej biex mill-paroli jgħaddu għall-azzjoni. Enfasizza li għadu qed jistenna bis-sabar kollu lill-Kummissjoni Ewropea biex tattwa l-liġijiet dwar il-protezzjoni tal-ġurnalisti.

04:09 Ramon Jauregui Atondo mis-Soċjalisti u d-Demokratiċi qal li ma jara ebda ħolqa bejn l-istat u l-qtil tal-ġurnalista, u għalhekk ma jistax jikkundanna lill-Gvern. Jaqbeż fuqu Agustin Diaz de Mera Garcia Consuegra mill-Partit tal-Popolari Ewropej, u jlissen l-aħħar kliem li kitbet il-ġurnalista qabel mietet, filwaqt li ssuġġerixxa li jkun hemm żewġ uffiċjali permanenti tal-Europol f’Malta biex jinvestigaw.

04:06 Warajh tkellmet l-Ewroparlamentari Laburista Marlene Mizzi, li sostniet li dak li ġara f’Malta ġara f’pajjiżi oħra, iżda fil-każ ta’ Malta hemm min qed juża dan l-inċident għal għanijiet partiġġjani. Enfasizzat li l-awtoritajiet f’Malta mhumiex perfetti, iżda hemm min qed juża dan l-istat ta’ fatt biex iniżżel lil Malta għarrkupptejha.

04:04 L-Ewroparlamentari Pollakk, Michal Boni, qabbel lil Malta mal-Polonja meta qal li daħlu fl-Ewropa fl-istess żmien u għandhom valuri jixxiebhu. Tkellem dwar in-nies li qed isejħu lill-Ewroparlamentari Maltin bħala “tradituri”, u qal li mhux qed jagħmlu sew għax dawn qed jaqdu dmirhom. 

03:59 Ana Gomes tas-Soċjodemokratiċi (S&D) sostniet li mhux il-Gvern is-sors tal-problemi li għandha Malta, iżda r-regolamenti tal-pajjiż.  Qalet li dawn ir-regoli għamlu minn Malta ġenna għall-evażjoni tat-taxxa.

03:57 Iċ-Ċermen tal-Kumitat PANA Werner Langen attakka lis-Soċjalisti u d-Demokratiċi meta qal li dawn bkew dmugħ tal-kukkudrilli waqt il-plenarja ta’ filgħodu u li issa qed jiddefendu s-saltna tad-dritt f’Malta. Dan filwaqt li talab lill-grupp biex jirtira s-sħubija ta’ Joseph Muscat.

03:53 L-Ewroparlamenti Laburista Miriam Dalli elenkat għadd ta’ liġijiet li daħħal il-Gvern Laburista. Fi kliemha dan juri li s-saltna tad-dritt tinsab b’saħħitha. Irrimarkat li l-PE qed jgħaġġel meta jakkuża lil Malta mingħajr analiżi oġġettiva, u skontha dan juri d-doppja faċċa tal-istess parlament.

03:51 L-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola saħqet li l-Parlament Ewropew sar l-aħħar post fejn il-Maltin jistgħu jiġu protetti. Irrimarkat li meta Malta daħlet fl-UE assigurat li ma tħalli ebda politiku jgħaffeġ id-drittijiet tal-bniedem. Temmet tgħid li Muscat jaħseb li jista' jintimida lil kulħadd, imma mhux lilhom. 

03:43 Il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa wieġeb lil Timmermans u qallu li s-Saltna tad-Dritt titkisser meta bank jitħalla jaħsel il-flus għax qed jaħsel flus li huma tal-Gvern, u li meta jinħatar Kummissarju tal-Pulizija inkompetenti bi ħsieb. Indirizza lil ulied u żewġ Daphne Caruana Galizia, li kienu preżenti fil-plenarja. Qalilhom li mhux se jħalli li "Daphne Caruana Galizia tkun inqatlet għalxejn". F’xi waqtiet it-trażmissjoni min-naħa tal-Parlament Ewropew qed tinqata’.

03:42 Georg Mayer mill-ENF staqsa lill-Gvern Soċjalista ta' Joseph Muscat dwar x'qed jiġri f'Malta, meta ġurnalista tinqatel fl-eqqel tax-xemx, bħalma jiġri fis-serje Narcos. Sostna li l-uniku ħaġa li hi ċara hi li dawn l-affarijiet iridu jittieħdu b'ħafna serjetà.

03:41 Rolandas Paksas mill-EFDD qal li l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia m'għandux jintuża bħala ballun politiku.

03:40 Joly Eva: "Għandi tliet aħbarijiet negattivi għal Muscat: 1) elezzjoni qatt mhi se tneħħi xogħol il-Pulizija, 2) ir-regolamenti tat-taxxa f’Malta jridu jinbidlu għax qed ipoġġu f’riskju anki lill-Ewropa, u 3) li l-Gvern Malti jrid jagħraf li l-investigazzjoni fil-qtil ta’ Daphne mhix se tieqaf hawnhekk".

03:38 Takis Hadjigeorgiou qal li l-fokus tal-Parlament Ewropew fuq Malta huwa ġġustifikat, imma hemm bżonn li l-Parlament imur lil hinn. Saħaq li hemm bżonn li wieħed iħares lejn l-involviment tas-sinjurini li qed jaħbu flushom u jiftakar fil-miljuni foqra.  Żied jgħid li hemm ħafna kumpaniji maġġuri involuti fil-Paradise Papers, u li għandhom kwartieri f’Malta meta lanqas in-numru tagħhom ma jidher fid-direttorju.

03:36 L-MEP tal-grupp ALDE Louis Michel esprima t-tħassib tiegħu li jisma' lil Dr Sant jitkellem b'dak il-mod dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. Qal li qisu qed ibaxxi s-sinifikanza tiegħu.   

03:28 Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant qal li biex tibqa' b'saħħtek trid tiffoka fuq evidenza b'saħħitha, inkella l-kamra titlef il-kredibbiltà tagħha. Talab għall-ġustizzja u stqarr li l-Gvern qed juża kull mezz biex dan iseħħ. Dr Sant qal li Malta qed tiġi akkużata fuq dawk li sejjaħ "semi-fatti" u "fatti mħawda". Insista li minkejja dan, il-Gvern Malti dejjem laqa' dawn l-akkużi u qed jinvestigahom. Spjega li dawn it-tip ta' argumenti jimminaw il-kredibbiltà tal-Parlament, u qabbilhom ma' meta jitħejja l-kafè ta' malajr. 

03:27 L-MEP  tad-Demokristjani Frank Engel qal li l-assassinju ta' DCG huwa wieħed mill-konsegwenzi tal-kollass tas-Saltna tad-Dritt f'Malta. Saħaq li nħolqot atmosfera fejn tali reat seta' jsir. 

03:26 Edouard Ferrand mill-Grupp Ewropew ta' Nazzjonijiet u Libertà, saħaq li Malta għandha 2 problemi: l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi tal-VAT. "Malta hi mmexxija minn gang ta’ kriminali, u li l-Unjoni Ewropea għandha tibgħat in-nies biex jeżaminaw il-qagħda f’Malta", żied jgħid. Saħaq li l-Gvern ħoloq l-ambjent biex dan kollu seħħ. Akkuża lil Matti Maasikas li tkellem f'isem il-Kunsill Ewropew, li fi kliemu qabeż għall-Gvern Malti dwar xi ħaġa li sejħilha 'indifensibbli". Semma kif ħafna min-nies tal-Partit Laburista ltaqgħu ma' uffiċjali mill-Ażerbajġan u li dan kisser ir-reputazzjoni ta' Malta, l-aktar bl-involviment tal-Bank Pilatus. 

03:25 L-MEP Raymond Finch stqarr li din hi opportunità għal Malta biex teħles minn dawn l-affarijiet.

03:22 L-MEP tal-Ħodor Sven Giegold qal li l-Kunsill għadu jrid iwieġeb għall-mistoqsijiet dwar is-Saltna tad-Dritt. Fl-indirizz tiegħu lil Timmermans, Giegold semma: 1) Tħassib dwar kunflitt ta' interess ta' Joe Bannister bħala Ċermen tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji u Viċi President tal-aġenzija ta' żvilupp finanzjarju. 2) Is-suċċess tal-igaming f'Malta huwa bbażat fuq tassazzjoni baxxa ħafna, li juri li hemm lakuna fil-liġi preżenti 3) Jistaqsi għaliex Nexia BT u l-Bank Pilatus għad għandhom il-liċenzji f'Malta

03:17 Maite Ruiz Pagazaurtundua tal-Liberali u d-Demokratiċi qal li Juncker għandu jissospendi l-ħbiberija tiegħu ma' Joseph Muscat

03:15 L-MEP tal-Konservattivi Monica Macovei qal li ħadd mhu se jsikkithom.

03:14 Tanja Fajon mill-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi sostniet li l-qtil ġegħelna naħsbu dwar ħafna affarijiet, u żiedet tgħid li l-Gvern Malti qed jagħmel sehmu biex isolvi l-każ. Sostniet li l-qtil poġġa l-korruzzjoni u l-ħasil ta’ flus fuq quddiem tal-aġenda, iżda ma laqgħetx il-mod kif tkellmu wħud mill-Partit Popolari Ewropew, li qalu li l-istituzzjonijiet f’Malta qed ifallu

03:12 Esteban Gonzalez Pons mill-Partit Popolari Ewropew beda billi qal li kulħadd imissu jistħi li kellu jkun qtil ta’ ġurnalista li juri x’inhu jiġri f’Malta. Il-kelliem semma kif hemm uffiċjali tal-Gvern li huma ssuspettati, u talab għal 3 azzjonijiet:

• Djalogu immedjat ma’ Malta dwar is-saltna tad-dritt

• Jiġu investigati persuni relatati ma’ ħasil ta’ flus, u ħadd ma jħares lejn wiċċ ħadd

• Investigazzjoni serja dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

03:10 Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans qal li l-Gvern Malti qed juri biċ-ċar li hu determinat li jsolvi l-każ tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

03:05 Il-Ministru Estonjan Matti Maasikas f’isem il-Kunsill Ewropew faħħar lill-Gvern Malti talli aġixxa immedjatament wara l-assassinju ta’ Caruana Galizia. 

Vot dwar ir-riżoluzzjoni ppreżentata dwar is-Saltna tad-Dritt f’Malta se jittieħed għada l-Erbgħa wara n-12.30pm.

Fi tmiem id-dibattitu tal-lum,  għall-ħabta tal-4.30pm, saret ċerimonja qasira fis-sala tal-konferenzi fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu, li se tissemma għall-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.

Iċ-ċerimonja tmexxiet mill-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani.

Tajani, akkumpanjat mill-membri tal-familja Caruana Galizia, kixef plakka fl-entratura tal-sala riservata għall-midja.

Saru diskorsi wkoll mill-President Tajani u membru tal-familja tal-ġurnalista. 

 

Dalwaqt il-Fun Run! from NewsBook.com.mt on Vimeo.